Lokali

Ir-riformi fis-saħħa mentali għandhom isiru b’mod ħolistiku

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija u l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali f’Malta ħassew il-bżonn li jiġu diskussi diversi temi li għandhom x’jaqsmu mas-settur tas-saħħa mentali biex kull tibdil f’dan is-settur isir b’mod ħolistiku.

Dan bl-iskop biex jintlaqgħu kemm il-bżonnijiet tal-persuni li jbatu min-nuqqas ta’ saħħa mentali, kif ukoll ta’dawk il-persuni u qraba li jieħdu ħsiebhom.

Fost it-temi li kienu diskussi hemm l-importanza u r-rikonoxximent tas-sehem tal-persuni u qraba li jieħdu ħsieb persuni li jbatu minn dawn it-tipi ta’ mard f’kwalunkwe pjan ta’ fejqan u l-importanza li jkomplu l-isforzi biex tinqered l-istigma li hemm fuq dan it-tip ta’ mard.

Temi oħra huma li jkun hemm messaġġ ċar u qawwi mill-awtoritajiet li l-isptar mentali ġdid ikun adekwat u jinbena fil-kumpless tal-Isptar Mater Dei.

Aspett ieħor hu l-importanza li jiġu ppjanati sew servizzi ħolistiċi fil-komunità biex jgħinu f’kull integrazzjoni u appoġġ ta’dawn il-persuni, kif ukoll dawk li jieħu ħsiebhom. Prijorita oħra hi t-titjib fil-liġi tal-Att dwar is-Saħħa Mentali biex jingħata għarfien xieraq lill dawk il-qraba u persuni li jieħdu ħsieb persuni li jbatu min-nuqqas ta’saħħa mentali.

Iż-żewg assocjazzjonijiet se jkomplu jiddiskutu bejniethom kif ukoll ma’ għaqdiet volontarji oħra u persuni oħra li huma interessati f’dan il-qasam, bl-iskop li jgħinu f’dawn it-tibdiliet, jekk jiġu mitluba.