Skomdu bil-mistoqsijiet, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jinsisti li m’għandux x’jikkummenta. Dan wara allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu, fost l-oħrajn, li xaħħam Direttur tat-Times.
Mistoqsi mill-ġurnalisti tat-Times, Keith Schembri ħarab u baqa’ dieħel f’Kastilja mal-assistent tiegħu.
Il-pressjoni qegħda dejjem tiżdied fuq il-Prim Ministru biex ikeċċi kemm lil Keith Schembri kif ukoll lid-Deputat Mexxej tiegħu Konrad Mizzi.
Keith Schembri baqa’ ma weġibx għalfejn għadu ma rriżenjax wara li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama kemm ilu fl-ogħla kariga f’Kastilja. Konrad Mizzi ammetta wkoll li kien Keith Schembri li qallu x’għandu jagħmel biex jiftaħ il-kumpanija sigrieta tiegħu.
Minn meta faqqa’ l-iskandlu, Keith Schembri għadu qatt ma ffaċċja lill-media. Saħansitra rrifjuta intervista tal-programm Xarabank fuq l-istazzjon nazzjonali, u minkejja li l-preżentatur tal-programm Mhux Għax Jimpurtani Norman Vella għamel tliet siegħat jistennieh barra Kastilja, dan baqa’ ma tfaċċax.
Filmat : Timesofmalta.com


