Il-flat li għandu d-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi f’Tas-Sliema ma jistax jiġi trasferit fi trust – kif qal li kien se jagħmel – għaliex huwa marbut mal-bank bħala garanzija biex jagħmel tajjeb għad-dejn tal-loan li għandu.
Dan ġie żvelat – bid-dokumentazzjoni tal-kuntratt tal-akkwist tal-flat f’Tas-Sliema – mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dak żvelat huwa ta’ sinfikat kbir, għaliex minn meta faqqa’ l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieta fil-Panama, Konrad Mizzi dejjem qal li fetaħ it-trust fi New Zealand biex jitfa’ l-propjeta’ li hu u l-mara Sai għandhom f’Malta u f’Londra.
Konrad Mizzi kien qal li fil-kumpanija sigrieta tal-Panama, hu għandu kemm il-flat tiegħu fl-Ingilterra kif ukoll, potenzjalment, il-flat ta’ Malta.
Madanakollu, b’dak li ġie żvelat issa, jirriżulta li bl-ebda mod, Konrad Mizzi ma jista’ jitrasferixxi l-flat tiegħu ta’ Tas-Sliema fi trust. U dan peress li l-proprjeta’ li għandu f’Malta hi ipotekata – jiġifieri li l-flat li għandu Konrad Mizzi huwa marbut mal-bank bħala garanzija biex jagħmel tajjeb għad-dejn tal-loan li għandu.
Kif spjegawlna nutara li tkellmu ma’ dan l-istazzjon, propjetajiet li jkunu ipotekati ma jistgħux jiġu trasferiti – la f’kumpaniji u lanqas fi trust.
Skont il-kuntratt ippubblikat mill-ġurnalista Caruana Galizia, Konrad Mizzi xtara l-flat mingħand in-negozjant Joe Debono fl-2013 għas-somma ta’ €380,000, li 342,000 minnhom tħallsu permezz ta’ loan mill-bank. Kuntratt li ġie ffirmat min-Nutar u Deputat Laburista Charles Mangion.
Dan huwa l-aħħar żvilupp ġdid f’dan l-akbar skandlu politiku fl-istorja ta’ Malta – l-iskandlu magħruf bħala Panamagate, li fih hemm involut ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
//= $special ?>

