Rapporti mis-Sirja qalu li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan daħlu fil-belt antika ta’ Palmyra li s-sena l-oħra kienet inħatfet mit-terroristi tal-ISIS.
Wara rapporti inizjali li l-ġlied mal-ISIS kien għaddej barra l-belt, osservaturi, issa, sostnew li t-truppi Sirjani avvanzaw lejn distrett fil-Lbiċ ta’ Palmyra, li l-UNESCO ddikjaratha bħala sit għall-Patrimonju Dinji.
Spikkaw filmati ta’ ajruplani tal-gwerra u ħelikopters qed iduru fuq iz-zona inkwistjoni anki waqt li suldati u vetturi armati kienu qed javviċinaw Palmyra. L-avvanzi tat-truppi, intant, dehru li mexjin bil-mod minħabba li l-ISIS żergħu numru ta’ mines u splussivi oħra fl-inħawi.
Il-qawwiet tal-Gvern Sirjan anki wettqu inkursjonijiet mis-settur tat-Tramuntana ta’ Palmyra fost rapporti mhux ikkonfermati ta’ ‘nies maqtula fuq kull naħa’. Intant, ħarbu numru ta’ ċivili wara li l-ISIS infurmawhom, permezz tal-loudspeakers, biex jitilqu miċ-ċentru tal-belt, f’ħin meta l-ġlied kien qed javviċina l-inħawi.
Aktar kmieni dan ix-xahar, uffiċjali Sirjani kienu bdew offensiva biex jieħdu lura l-kontroll ta’ Palmyra, fejn kellhom l-appoġġ ta’ qawwiet tal-ajru mir-Russja.
Il-belt ta’ Palmyra tinsab f’żona ta’ importanza strateġika bejn il-kapitali Sirjana Damasku u l-belt ta’ Deir al-Zour, lejn il-Lvant tas-Sirja.
L-ISIS kien ħataf il-fdalijiet ta’ Palmyra u l-belt ta’ biswitha f’Mejju li għadda. Wara li daħlu hemmhekk, il-ġellieda tal-ISIS, maż-żmien, qerdu, fost oħrajn, żewġ tempji li kienu ilhom jeżistu għal 2,000 sena, fost l-għadab tal-komunità internazzjonali.
Jekk il-Gvern Sirjan jirnexxilu jieħu lura Palmyra minn idejn l-ISIS, dan ikun suċċess kbir għar-reġim tal-President Bashar al-Assad u r-Russja, l-alleata ta’ Damasku, li jiem ilu rtirat ħafna mill-qawwiet tagħha wara kampanja ta’ xhur kontra l-avversarji ta’ Assad. Il-kampanja militari tar-Russja għenet ħafna l-prospetti tal-militar ta’ Assad fil-gwerra ċivili tas-Sirja li ilha għaddejja ħames snin.
//= $special ?>