Internazzjonali

Salah Abdeslam ibiddel fehmtu, jaċċetta li jiġi deportat lejn Franza

Abdeslam Salah, pariġi paris franza france

Iż-żagħżugħ suspettat li kien il-moħħ wara l-attakki terroristiċi ta’ Novembru li għadda f’Pariġi, Salah Abdeslam, jidher li biddel il-ħsieb u issa mhux mistenni joġġezzjona għall-estradizzjoni mill-Belġju lejn Franza.

L-Avukat tiegħu Sven Mary qal lill-media Franċiża li issa Abdeslam irid li jintbagħat malajr kemm jista’ jkun lejn Franza ħalli jispjega lilu nnifsu fil-pajjiż, li erba’ xhur ilu ra l-qtil ta’ 130 persuna fl-attakki terroristiċi li seħħew fil-kapitali.

Fl-arrest tiegħu nhar il-Ġimgħa li għadda, Salah Abdeslam spiċċa ferut waqt ir-rejd tal-Pulizija fi Brussell. Hu maħsub li l-arrest ta’ Abdeslam wassal għall-attakki terroristiċi ta’ jumejn ilu fi Brussell, li ħallew madwar 34 persuna mejta u għexieren oħra midruba.

Intant, smigħ tal-qorti dwar l-arrest ta’ Abdeslam u żewġ suspettati oħra li kellu jsir ilbieraħ spiċċa pospost sas-7 ta’ April.

Il-Ministru tal-Intern Belġjan, Jan Jambon, u l-Ministru tal-Ġustizzja Belġjan, Koen Geens, offrew li jirriżenjaw b’konsegwenza tal-attakki f’pajjiżhom, iżda l-Prim Ministru tal-Belġju, Charles Michel, irrifjuta r-riżenji.