Kultura Lokali

Is-Sibt li ġej fuq NET Television: Daqqet ix-Xita

Sean Decelis as The Boy

Ġuvni jħossu qed jegħreq bejn ħalltejn … maqbud bejn l-inkompetenza naturali tiegħu u l-bżonn li jaħrab mill-għafsa tal-ambjent deżolat u vojt li jinsab fih. Iben baħri, il-ġuvni jgħix biss id-dell tal-ħajja ta’ missieru billi jaqdef min-naħa għall-oħra ta’ port antik f’dgħajsa qadima u mmermra.

Dan il-film jitratta l-mument li fih tfur il-frustrazzjoni li l-ġuvni jħoss minħabba l-ħajja li qed jgħix u minħabba li jrid jissaporti l-unjoni bejn ommu, mara dominanti, u zijuh, persuna ta’ karattru dubjuż għall-aħħar. Għalkemm mixrub minn kull ħeġġa, in-niggieża tal-kuxjenza u l-għadab ta’ min qed jegħreq bejn ħalltejn jiġbdu lilu, u lil ta’ madwaru, fi sqaq li ma jinfidx.

Imnebbaħ mill-Hamlet ta’ Shakespeare, dan hu film b’qalb imsewsa minn tmermir umduż.
Maħluq minn Lighthouse & Ashley, Daqqet ix-Xita (Plangent Rain) hu l-ewwel film li ġie prodott permezz ta’ kofinanzjament mill-Malta Film Fund.

L-istorja tal-film isseħħ fil-Port il-Kbir u fl-aktar triq dejqa tal-Belt, filwaqt li toffri ħarsa qasira lejn ġrajja li setgħet seħħet f’waħda mill-kerrejjiet ta’ Strada Stretta.