Amber Joy, tifla li minn meta kellha biss 3 xhur bdiet tbagħti minn Congenital Glaucoma, li hi kumplikazzjoni fl-għajnejn. B’kollox, Amber għamlet mas-17-il operazzjoni f’għajnejha u telgħet aktar minn 30 darba l-Ingilterra għall-kura, ġewwa Sutton.
Krystle, l-mama ta’ Amber, qalet li kien ta’ xokk kbir meta jkollok tarbija ta’ ftit xhur u ssir taf li t-tifla tagħha għandha ċans li titlef d-dawl t’għajnejha. Stqarret li meta kienet żgħira Amber kienet titla’ l-Ingilterra kull tliet ġimgħat, apparti l-ħafna mediċina li kienet tieħu ta’ kuljum u b’għajnejha dejjem mgħottija. Il-mama ta’ Amber qalet li sal-llum il-ġurnata, għadhom isiru ta’ spiss numru ta’ testijiet mediċi sabiex it-tobba jaċċertaw ruħhom li Amber ma terġax tirkadi.
L-operazzjonijiet li saru fuq Amber, kienu ta’ suċċess. Illum il-ġurnata, Amber għandha vista ċara u l-ħajja tagħha ġiet lura għan-normal. Tant, li llum l-ġurnata fl-eta ta’ erba’ snin, Amber tattendi l-kindergarten tal-Ħamrun, fejn kif qaltilna Amber stess, tieħu gost tqatta’ l-ħin tilgħab ma’ sħabha tal-klassi.
Krystle stqarret ma’ Net News, li Puttinu kien ta’ spalla kbira. Kompliet tgħid li Puttinu Cares għenu lil Amber u l-familja tagħha f’kull ħin u kull mument, u dejjem ħadmu bil-qalb għalihom. Il-mama ta’ Krystle qalet li Puttinu kien dejjem ta’ appoġġ għalihom, speċjalment meta jkunu hemm biex jisimgħu l-problemi u l-esperjenzi tagħha.
Il-mama ta’ Amber għamlet appell ukoll għall-maratona ġbir ta’ fondi waqt il-programm Xarabank fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, b’risq Puttinu Cares. Krystle qalet li dawn id-donazzjonijiet verament imorru għall-kawżi ġusti, iżda ma jgħinux lil min hu fil-bżonn finanzjarjament biss, iżda anke billi jsibu appoġġ ta’ residenza fl-Ingilterra u anke appoġġ morali. Hi temmen li bis-saħħa tal-ġenerożita’ tal-Maltin, Puttinu Cares qegħdin jagħmlu xogħol inkredibbli.
//= $special ?>
