Internazzjonali Lokali

Arranġamenti mill-Air Malta għat-titjiriet lejn Brussell f’Sibt u Ħadd il-Għid

Fi stqarrija aġġornata l-Air Malta ħabbret li peress li l-ajruport ta’ Brussel kien ser jibqa’ magħluq sa’ nhar it-Tlieta is-servizz minn u lejn Dusseldorf kien ser jopera wkoll nhar it-Tnejn li ġej.

Aktar qabel…

Hekk kif l-ajruport ta’ Brussell se jibqa’ magħluq matul tmiem il-ġimgħa, il-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta ħabbret li se tibqa’ topera t-titjiriet minn u lejn Dusseldorf.

L-Air Malta qalet li dawk il-passiġġieri li kellhom jivjaġġaw minn u lejn Brussell permezz tal-Air Malta, awtomatikament ġew trasferiti għat-titjiriet minn u Dusseldorf.

Il-linja nazzjonali tal-ajru qalet li qed torganizza wkoll trasport fuq l-art bejn Brussell u l-ajruport ta’ Dusseldorf u viċi-versa. Mal-wasla f’Dusseldorf, numru ta’ coaches organizzatti apposta jitrasferixxu l-passiġġieri lejn Brussell, qrib l-Ambaxxata Maltija (f’Rue Archimede, 25, B – 100).

Il-passiġġieri li bbukkjaw titjiriet minn Brussell lejn Malta (KM421) għandhom ikunu fl-istess indirizz imsemmi hawn fuq sas-2.15 ta’ waranofsinhar biex ikunu trasferiti lejn l-ajruport ta’ Dusseldorf.