Lokali

FILMAT: X’jieklu l-Maltin fil-Ġimgħa l-Kbira?

Fl-għodwa tal-Ġimgħa l-Kbira, hu normali li fit-toroq Maltin jitfaċċaw diversi bejjiegħa, lesti biex ibiegħu dak l-ikel li jittiekel l-aktar fil-Ġimgħa l-Kbira.

Għalkemm kull ma jmur l-osservazzjoni qed tonqos, fil-Ġimgħa l-Kbira l-Maltin jipprovaw jevitaw il-laħam, u minflok iduru għal dak l-ikel tradizzjonali.

“In-nies ifittxu affarijiet bla laħam, bħall-pastizzi tal-inċova u l-isfineġ” qalilna bejjiegħ tal-isfineġ, li spjega li s-sigriet ta’ dan l-ikel hu l-ħin, iż-żejt u l-għaġina.

Tidwi wkoll l-għajta tal-bejjiegħ tal-karamelli. “Ix-xogħol jibda mis-Sajf. Missieri kien jiġbor il-ħarrub ġol-ixkejjel. Imbgħad kien jgħalli biex jagħmel il-ġulepp u wara l-karamelli,” spjega ma’ NETnews.com.mt bejjiegħ tal-karamelli.

Interessanti l-bejjiegħ tal-qagħaq tal-Appostli. Iżda dan il-qagħaq kemxejn differenti.

“Din hija qagħqa tradizzjonali” spjegalna bejjiegħ ieħor li uriena qagħqa irqaq magħmula mill-imsiemer tal-qronfol, l-aniżetta, il-ġunġlien u l-lewż.