Kummerċ Lokali

Ibiegħ il-bonds u se jnaqqas drastikament is-self lill-entitajiet pubbliċi

Il-Bank of Valletta qed ibiegħ numru ta’ bonds tal-Gvern u se jnaqqas drastikament l-ammont ta’ self lill-awtoritajiet pubbliċi.

Rapport fil-ħarġa tal-Ħamis tal-ġurnal Times of Malta jgħid li dan qed isir minħabba regoli ġodda dwar ir-riskju tal-banek.

Wara l-kriżi finanzjarja, banek ta’ ċertu importanza bħalma huwa l-BOV f’Malta, jaqgħu taħt is-supervizjoni diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Jidher li l-Bank Ċentrali Ewropew indika li l-BoV hu espost iż-żejjed għal riskju li jiġi minn dejn pubbliku.

Fi kliem ieħor, il-Bank Ċentrali Ewropew irid li l-banek jifirxu r-riskju kemm jista’ jkun u ma jkunx hemm konċentrazzjoni fuq entita’ waħda.

Għal dan il-għan, sorsi li tkellmu ma’ Times of Malta jgħidu li l-Bank of Valletta qed ibiegħ numru ta’ bonds li għandu mal-Gvern kif ukoll se jnaqqas is-self lill-entitajiet pubbliċi b’mod drastiku.

Dawn il-ħtiġijiet regolatorji jistgħu ipoġġu pressjoni fuq il-Gvern hekk kif irid isib investituri privati oħrajn li jixtru l-bonds li normalment jinxtraw mill-banek.