Jidher li truppi speċjali Ingliżi tal-SAS flimkien ma’ truppi speċjali mill-Ġordan ilhom mill-bidu tas-sena joperaw bil-moħbi fil-Libja kontra l-ISIS.
Dan inkixef wara laqgħa kunfidenzjali bejn ir-Re Abdullah tal-Ġordan u membri tal-Kungress Amerikan.
Ir-Re Abdullah qal li t-truppi Ingliżi kellhom bżonn l-assistenza tal-forzi speċjali tal-Ġordan waqt li kienu qed joperaw fit-Tramuntana tal-Afrika peress li djalett Ġordaniż hu simili għal wieħed Libjan.
Ir-Re qal ukoll li t-truppi Ingliżi kienu għenu wkoll forzi kontra l-President Sirjan Basahar al-Assad u li t-truppi Ġordaniżi kienu lesti biex flimkien ma’ dawk Ingliżi u tal-Kenja jidħlu fis-Somalja beix jikkumbattu l-al-Shabaab.
Ir-rapport inkixef mill-gazzetta Ingliża ‘The Guardian’ fejn kien rappurtat li r-Re informa lill-Amerikani li t-Turkija kienet qed tappoġġja lill-ISIS u li l-Ewropa mhi qed tagħmel xejn f’dan il-konfront u xebbah dak li qed jiġri bħalissa bħala t-Tielet Gwerra Dinjija.
Ir-Re esprima wkoll it-tħassib tiegħu li ftit li xejn kienet qed tingħata attenzjoni għat-theddida tal-grupp estremista Iżlamiku, al-Shabaab, li insista hi serja ħafna peress li dan il-grupp hu alleat kemm mal-al-Qaeda kif ukoll l-ISIS.
L-SAS f’ħidma sigrieta fil-Libja
