Il-kumpanija tal-farmaċewtika Actavis Limited infurmat lill-ħaddiema tagħha li jaħdmu bil-kuntratt li dawn se jitilfu xogħolhom.
Huma saru jafu b’dan waqt laqgħa għall-impjegat li saret iktar kmieni din il-ġimgħa, fejn sar magħruf ukoll li ammont ta’ ħaddiema li daħlu jaħdmu riċentament se jitneħħew ukoll.
Barra minn hekk madwar nofs il-magni li tuża l-kumpanija fil-fabbrika tagħha f’Bulebel se jinżlu minn 4 shift għal 3 shift. Dan ifisser li l-ħaddiema mistennija jirċievu madwar €400 inqas fil-paga tagħhom kull xahar.
Matul l-istess laqgħa għall-ħaddiema ntqal li l-kumpanija, li hi l-ikbar operatur fil-qasam tal-farmaċewtika f’pajjiżna, bħalissa mhux sejra tajjeb u għalhekk kienet sfurzata tnaqqas l-ispejjeż tagħha billi tillimita l-ħaddiema u l-operat.
Dan is-sit bagħat mistoqsijiet lill-kumpanija Actavis, fejn fost l-oħrajn staqsejna għar-raġuni wara dawn id-deċiżjonijiet. Madankollu s’issa għadna bla tweġiba.
Din l-aħbar issegwi oħra li ħarġet iktar kmieni din il-ġimgħa, bil-kumpanija Stainless Steel Products tnaqqas 9 ħaddiema wara li rreġistrat tnaqqis fil-profitti tagħha.
//= $special ?>