Lokali

Aktar minn miljun Ewro miġbura b’risq Puttinu Cares waqt Xarabank

€1,201,773 hija s-somma rekord miġbura nhar il-Ġimgħa l-Kbira waqt il-programm Xarabank li jixxandar fuq TVM b’risq Puttinu Cares. Somma rekord li nġabret f’madwar erbgħa siegħat.

Din is-somma tiżdied mas-somma ta’ madwar €100,000 li nġabret waqt il-mixja li saret mill-Mellieħa sal-Isla fil-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira.

Il-ġenerosita’ tal-poplu Malti u Għawdxi se tkun qed tissarraf b’risq il-proġetti ta’ Puttinu għat-tfal li jkolhom bżonn il-kura medika. B’hekk il-fondi miġbura se jmorru wkoll biex jinfdew l-ispejjeż għall-bini ta’ appartamenti oħra fl-Ingilterra u li se jkunu qed joffru serħan il-moħħ għall-qraba ta’ tfal u persuni li jkollhom jitilgħu l-Ingilterra għall-kura.

Matul il-programm Xarabank ixxandru stejjer ta’ tfal u oħrajn żgħażagħ li fiequ għal kollox mill-marda tal-kanċer wara l-kura li ngħtaw barra minn xtutna.

Minn jixtieq jagħmel donazzjoni b’risq Puttinu Cares jista’ jagħmel dan fuq is-sit www.puttinucares.org/donations.asp