Il-Kunsill Għawdxi taż-Żgħażagħ (GYC),li jiġbor fih 28 għaqda Għawdxija ta’ żgħażagħ, ospita għall-ewwel darba konferenza, li saret fil-Grand Hotel fl-Imġarr. Il-konferenza akkademika “iLead – Creative Leader” serviet bħala pjattaforma biex jiġu ppreżentati r-riżultati tal-proġett. Il-parteċipanti ppreżentaw dokument ta’ politika għall-futur tal-gżira ta’ Għawdex u għaż-żgħażagħ tagħha. Il-proġett ġie ffinanzjat mill-għotjiet tal-EEA u SOS Malta u kofinanzjati mill-Aġenzija Żgħażagħ.
Għal 12-il xahar, il-parteċipanti attendew sessjonijiet u workshops ma’ esperti internazzjonali, kif ukoll ma’ intellettwali lokali, ġurnalisti u imprendituri biex jitgħallmu ħiliet fit-tmexxija. Dawn jinkludu kapaċitajiet intraprenditorjali, għodod fil-promozzjoni u fit-tagħlim, taħriġ fl-iżvilupp personali u prattiċi ta’ kif wieħed għandu jilħaq l-għanijiet tiegħu, kif ukoll ħiliet fil-kunfidenza u l-emanċipazzjoni.
F’din il-konferenza, iż-żgħażagħ Għawdxin ippreżentaw pjan ħolistiku, l-ewwel tat-tip tiegħu għal Għawdex intitolat “Għawdex – Viżjoni b’entużjażmu”, b’aktar minn 60 proposta biex jiġu diskussi għall-preżent u l-futur ta’ Għawdex. Dawn il-proposti kienu jinkludu r-rikonoxximent legali ta’ Għawdex bħala reġjun, aktar awtonomija lill-Għawdxin li għandhom Parlament Reġjonali, it-tieni Ajruport Internazzjonali, l-Università Internazzjonali bbażata f’Għawdex, servizz ta’ fast ferry boat għall-passiġġieri u karozzi bejn il-gżejjer, kif ukoll li l-Membri Parlamentari Ewropej għandhom ikunu eletti minn sitt reġjuni b’Membru Parlamentari għal kull reġjun.
Il-President tal-GYC Mark Schembri fetaħ il-konferenza billi feraħ lill-parteċipanti u ħeġġeġ l-implimentazzjoni tad-dokument ta’ politika. “Għawdex għandu bżonnha. Għawdex għandu bżonn żgħażagħ li huma lesti li jinvestu fih u li huma lesti jiffaċċjaw is-sitwazzjoni prekarja tiegħu. Din il-gżira għandha bżonn eżodu ta’ mħuħ li jagħmlu xi ħaġa”. Hu enfasizza wkoll li t-triq ‘il quddiem tal-Kunsill hi li jservi “mhux biss għaż-żgħażagħ Għawdxin li jgħixu f’Għawdex, iżda wkoll għal dawk li qed jiffaċċjaw sfidi f’Malta”.
Il-Manager tal-proġett Ryan Mercieca sostna li dan hu proġett pijunier għall-gżejjer tagħna. Il-proġett kien ispirat l-aktar minħabba l-frustrazzojni tal-brain drain esperjenzata sena wara sena fil-qalba tal-komunità Għawdxija. Żied jgħid li “dan hu l-bidu ta’ forma ta’ attiviżmu f’Għawdex – ‘il bogħod mill-politika u dirett lejn dik reġjonali. Għawdex għandu patrimonju u m’għandux jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala periferija ta’ Malta u lanqas m’għandu jitqies bħala suġġett ta’ darba kultant”. Kull żvilupp pożittiv li jsir f’Għawdex awtomatikament iservi għall-progress tan-nazzjon Malti kollu kemm hu.
Il-Konferenza kompliet bil-preżentazzjoni taċ-ċertifikati u interventi oħra. Il-Kapijiet Eżekuttivi tal-SOS Claudia Taylor-East u tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma ndirizzaw liż-żgħażagħ u enfasizzaw li x-xogħol tagħhom għadu kif beda peress li issa jridu jimplimentaw il-pjanijiet tagħhom għal Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, l-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech, ix-Shadow Minister Chris Said u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ David Agius ikkontribwixxew bi kliem ta’ inkoraġġiment.
//= $special ?>