Lokali

Il-Pulizija tieħu f’idejha files b’rabta ma’ l-iskandlu Gaffarena

Il-pulizija ħadu f’idejhom il-files fi ħdan id-dipartiment ta’ l-artijiet marbuta ma’ l-iskandlu Gaffarena u interrogaw nies marbuta mal-każ. Dan ġie żvelat fil-ħarġa tal-ġurnal The Times of Malta tas-Sibt.

Sorsi qrib il-pulizija li tkellmu mal-ġurnal stqarru li l-pulizija sa fl-aħħar kienet ħadet passi sabiex tinvestiga l-iskandlu ta’ esproprijazzjoni ta’ propjeta’ wara li fis-7 ta’ Marzu ħarġet l-aħbar li eks direttur tad-dipartiment ta’ l-artijiet, Charles Camilleri, kien bagħat xhieda maħlufa lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur. Wara investigazzjoni mill-istess uffiċju, Camilleri ametta li ma’ kienx qal lill-Awditur Ġenerali il-verita’ sħiħa.

L-Awditur Ġenerali minn naħa tiegħu kien irrifera l-każ lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi għalkemm stqarr li x-xhieda ma’ affetwatx il-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni.

Fix-xhieda maħlufa tiegħu Camilleri stqarr li kien ġie mhedded minn persuni fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru sabiex ma’ jikxifx dettalji li kienu jkunu ta’ detriment għalihom. Sostna li ma’ kienx kixef l-involviment ta’ l-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon għaliex ħassu mhedded minn Clint Scerri li kien intgħażel speċifikament minn Falzon.

Fl-iskandlu Gaffarena l-gvern akkwista propjeta’ li tiswa’ €944,500 filwaqt li Gaffarena rċieva €3.4 miljun fi flus kontanti u propjeta’. Kien Gaffarena stess li beda l-proċess li wassal għall-esproprijazzjoni bl-istess Gaffarena jkollu wkoll informazzjoni minn ġewwa, xi ħaġa kontra l-liġi skond l-investigazzjoni ta’ l-Awditur Ġenerali.

Camilleri kien wieħed mill-persuni msemmi fir-rapport tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Awditur bħala persuna li ffaċilita’ it-transazzjoni.

Dan kollu jkompli jsaħħaħ l-argument tal-Partit Nazzjonalista li sal-ġimgħa li għaddiet stess fakkar kif il-gvern kien qiegħed jonqos milli juża l-mezzi legali għad-disposizzjoni tiegħu sabiex jitneħħa kull dubju dwar il-każ. Fost dawn hemm il-liġi tal-Whistleblower li tista’ tħeġġeġ aktar nies jersqu l-quddiem b’fatti u l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Koruzzjoni, użata mill-gvern Laburista fuq kwistjoni ta’ ħames arloġġi tad-dawl; bl-ebda mekkaniżmu ma’ jiġi utilizat fl-iskandlu Gaffarena minkejja li hawnhekk hemm involuti aktar minn tlett miljun Ewro ta’ fondi pubbliċi fakkar il-Partit Nazzjonalista.