Lokali

Illejla ssir il-begigga fil-Birgu – joħroġ il-permess tal-pulizija

Il-begigga, tradizzjoni antika marbuta b’mod speċjali mal-Birgu, illejla se ssir mill-ġdid, din id-darba bil-permess tal-Pulizija wara li għall-aħħar snin kienet f’riskju li tispiċċa darba għal dejjem.

Din it-tradizzjoni sseħħ b’mod speċjali mal-lejl ta’ bejn is-Sibt u Ħadd-il Għid fejn grupp ta’ nies b’mod spontanju jinġabru fil-pjazza tal-belt Vittoriosa b’ammont ta’ oġġetti u jduru mat-toroq tal-lokal f’nofs ta’ lejl jagħmlu l-istorbju.

Din it-tradizzjoni ilha ssir snin twal, iżda sena ilu ttellgħu żewġ persuni li kienu parti minn grupp itwal li ħadu sehem f’waħda mill-aħħar drabi li saret il-begigga. Dawn il-persuni tħarrku fuq akkużi li m’applikawx biex jinġabru f’ġemgħa, li għamlu attivita’ pubblika mingħajr permess, li kisru l-mistrieħ tan-nies u li kisru l-paċi pubblika b’mod volontarju.

Huma kienu nħelsu mill-akkużi minħabba li l-Prosekuzzjoni ma niżżlitx id-data ta’ meta dawn ħadu sehem fil-begigga.