Lokali Qorti

Jinstab ħati wara ġlieda iżda l-qorti tgħid li l-atteġġjament kien skużabbli

Pierre Buhagiar ta’ 51 sena mill-Mellieħa kien ikkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn wara li wieġeb ħati li darab lil Isam Mohammed El Shahumi, Libjan, b’daqqa f’rasu permezz ta’ marloġġ (baseball bat).

L-argument inqala wara li s-sieħba tal-Libjan bdiet titfa’ l-ilma mill-gallarija għal isfel bil-konsegwenza li l-mara ta’ Buhagiar bdiet tilmenta mill-ilma li beda jaqa’ fi ħwejjiġha. L-argument bejn iż-żewġ partijiet baqa’ jeskala sakemm il-Libjan prova jaqleb lil mara ta’ l-akkużat u stieden lill-akużat għal ġlied. Kien hawn li Buhagiar ta’ daqqa lil Libjan permezz ta’ marloġġ.

L-inċident vjolenti seħħ wara li l-partijiet kienu ilhom żmien mhux ħażin ikollhom numru ta’ argumenti. L-avukat difensur Edward Gatt spjega bosta inkonvenjenzi li kien qiegħed isofri l-akkużat minħabba l-imġieba tal-Libjan li kien jinstab fuq pledge fosthom ħmieġ quddiem l-appartament tal-akkużat u ħmieġ tal-klieb fil-komun.

Fis-sentenza l-Maġistrat Ian Farrugia sab lil akkużat ħati iżda qal l-atteġġjament tiegħu huwa skużabbli għax kien ilu jissaporti lill-Libjan bosta snin.