Internazzjonali

L-ISIS jiċċelebraw l-attakki fi Brussell iżda jindikaw li ‘jridu l-paċi’

Militanti tal-ISIS segwew il-kummenti fejn ħadu responsabbiltà għall-isplużjonijiet qattiela fi Brussell biċ-ċirkolazzjoni ta’ filmati li jibbażaw fuq ‘iċ-ċelebrazzjoni’ tal-atroċità.

Dan il-pass fakkar fis-sitwazzjoni ta’ Novembru, meta l-ISIS attakkaw Pariġi, fi Franza, u fejn il-konferma tar-responsabbiltà fuq l-Internet ingħatat qabel dehru numru ta’ videos ta’ propaganda.

Intant, wieħed mill-aħħar filmati, li jidher li ttieħed fl-Iraq, juri żewġ militanti Belġjani qed jitkellmu bil-Franċiz u li wieħed minnhom, f’ħin partikolari, jidher li qed jappella biex jieqfu l-attakki fuq l-ISIS ‘bi skambju għall-paċi’.

Esperti dwar it-terroriżmu jemmnu li din hi l-ewwel darba li l-ISIS ma jillimitax ruħu għal theddid fil-filmati tiegħu, iżda osservaturi oħra jsostnu li diffiċli biex wieħed ikun jaf biċ-ċert jekk it-terroristi humiex iwasslu ‘xi messaġġ differenti’.

Fil-preżent, l-ISIS jidher qed jitlef dejjem aktar art fis-Sirja u l-Iraq, bl-azzjonijiet anti-terroristiċi anki qed jilħqu livelli ġodda madwar l-Ewropa.