Qawwiet tal-Gvern fis-Sirja, fl-aħħar sigħat, avvanzaw minn diversi fronti għal fuq Palmyra, li hi kkontrollata mill-ISIS, fost rapporti li l-militar infiltra ‘il ġewwa f’din il-belt antika.
It-truppi Sirjani kienu qegħdin jingħataw appoġġ kontinwu minn qawwiet tal-ajru u artillerija u jidher li l-militar qiegħed jikseb numru ta’ suċċessi fl-inħawi.
Skont l-osservaturi, l-aħħar ġlied għall-kontroll ta’ Palmyra kien l-aktar intensiv mindu l-Armata Sirjana bdiet il-kampanja biex taħtaf lura din il-belt prestiġjuża minn idejn it-terroristi tal-ISIS. Fl-istess ħin, hemm tamiet li t-truppi jistgħu qegħdin qrib ta’ trijonf sinifikanti u ‘totali’ fuq it-terroristi f’Palmyra.
L-ISIS ilu minn Mejju jikkontrolla Palmyra, li l-UNESCO ddikjarat bħala sit għall-patrimonju dinji. L-aħħar filmati mill-inħawi urew numru ta’ splużjonijiet u dħaħen telgħin minn bini fiz-zona ta’ dan is-sit storiku. Kemm ilhom f’Palmyra, l-ISIS qerdu numru ta’ tempji u wirt ieħor storiku u arkeoloġiku, fost l-għadab tal-komunità internazzjonali.
Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan ħatfu lura xi zoni lejn il-Punent u t-Tramuntana ta’ Palmyra, flimkien mad-distrett ta’ al-Amiriya, li jinsab fil-limiti ta’ din il-belt antika, fid-direzzjoni tat-Tramuntana.
It-truppi, li kienu appoġġjati minn ajruplani tal-gwerra tar-Russja, ħatfu lura kastell li jmur lura sas-Seklu Tlettax u li jinsab fuq għolja lejn il-Punent ta’ Palmyra, minfejn il-ġellieda tal-ISIS ikunu kostretti li jaħarbu.
L-istampa tal-Gvern Sirjan qed tgħid li l-kastell, magħruf bħala Qalaat Shirkuh, għandu importanza kbira strateġika, bl-UNESCO tesprimi sodisfazzjon għall-prospetti li l-militar tas-Sirja jillibera l-inħawi ta’ Palmyra. L-UNESCO, l-aġenzija kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti, kienet diġà fissret il-qerda ta’ Palmyra mill-ISIS bħala reat tal-gwerra.
Minbarra li magħrufa għall-bini storiku tagħha, il-belt ta’ Palmyra tinsab f’zona importanti ferm, minn lat strateġiku, fit-triq bejn Damasku, il-kapitali tas-Sirja, u l-belt ta’ Deir al-Zour, lejn il-Lvant tal-pajjiż.
Jekk l-ISIS jitilfu Palmyra, dan għandu jitqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għat-terroristi, minbarra li rebħa importanti għall-Gvern Sirjan u r-Russja, li hi alleata ewlenija tal-President tas-Sirja, Bashar al-Assad.
//= $special ?>