Internazzjonali

Raġel akkużat b’konnessjoni mat-terrur fi Brussell

Prosekuturi fil-Belġju akkużaw raġel dwar reati relatati għat-terroriżmu b’konnessjoni mal-attakki qattiela ta’ nhar it-Tlieta, fi Brussell, li ħallew 31 mejtin.

Is-suspettat, li kien arrestat nhar il-Ħamis, issemma bħala Faycal Cheffou, u qed ikun akkużat dwar ‘sehem fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku’, kif ukoll dwar ‘omiċidji u attentati ta’ qtil bi skop terroristiku’. Il-pulizija anki fittxew fir-residenza ta’ Cheffou, li hu ġurnalista freelance, iżda ma sabulu l-ebda armi.

Il-prosekuturi Belġjani ma kkummentawx dwar rapporti tal-istampa fis-sens li Cheffou kien ‘it-tielet raġel’ f’ritratt miġbud mis-CCTV fl-ajruport internazzjonali ta’ Zaventem, fiz-zona ta’ Brussell, meta t-terminal, nhar it-Tlieta, spiċċa mira għal terroristi li wettqu żewġ splużjonijiet suwiċida fis-sala tad-departures. Ir-ritratt wera wkoll liż-żewġ aggressuri suwiċida, Najim Laachraoui u Brahim el-Bakraoui, li dakinar wettqu l-istraġi fit-terminal.

Fil-preżent, grupp ta’ inġiniera u tekniċi qed jingħataw aċċess għall-bini tat-terminal għall-ewwel darba mindu seħħ l-attakk ta’ nhar it-Tlieta. Huma qegħdin jevalwaw il-ħsarat, bl-awtoritajiet fl-ajruport ta’ Zaventem qed iħejju biex jistallaw sistemi tas-sigurtà ġodda madwar il-kumpless.

L-ISIS ħa responsabbiltà għall-attakki suwiċida li qatlu 11 fl-ajruport ta’ Zaventem, kif ukoll għall-isplużjoni terroristika, fl-istess jum, fil-metro ta’ Brussell li sewa l-ħajja ta’ 20 oħra.

L-ajruport ta’ Zeventem mhux se jerġa’ jiftaħ qabel nhar it-Tlieta, bl-awtoritajiet jappellaw biex ma jsirx ‘marċ kontra l-biża’, li kien ippjanat għallum, minħabba li dimostrazzjoni bħal din tista’ ttellef lill-pulizija li għaddejjin bl-investigazzjonijiet fi Brussell.

Fi żviluppi oħra, il-prosekuturi fil-Belġju qalu li s-suspettat ewlieni bl-isem ta’ Salah Abdeslam, li qed jinżamm taħt arrest, qed jirrifjuta li jwieġeb domandi dwar l-istraġi fi Brussell. Abdeslam hu suspettat fl-attakki terroristiċi ta’ Novembru mill-ISIS li ħallew għexieren ta’ mejtin f’Pariġi, il-kapitali ta’ Franza.

Fl-aħħar jiem, żdiedu l-inizjattivi għas-sigurtà madwar l-Ewropa, b’talanqas 12 il-persuna jispiċċaw arrestati waqt azzjonijiet fil-Belġju, Franza u l-Ġermanja, li saru bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa.