Internazzjonali

The Rolling Stones jagħtu kunċert ‘storiku’ f’Kuba

Il-grupp tar-Rock leġġendarju, The Rolling Stones, jinsab fuq fomm kulħadd f’Kuba wara kunċert memorabbli, f’Havana, quddiem għexieren ta’ eluf ta’ nies.

Il-kunċert, li kien b’xejn għal kulħadd, hu sinifikanti għaliex il-mużika Rock kienet ipprojbita mill-awtoritajiet komunisti ta’ din il-gżira stat għal għexieren ta’ snin.

Ħafna min-nies li attendew l-avveniment f’Havana ilhom ħajjithom kollha dilettanti tas-Stones, iżda għal snin sħaħ, huma kellhom iżommu dan il-fatt moħbi, l-istess bħall-imħabba li għandhom għal esponenti oħrajn tal-mużika Rock.

Dan il-kunċert sar ftit jiem wara ż-żjara storika f’Kuba mill-President tal-Istati Uniti, Barack Obama.