Internazzjonali

Salah Abdeslam jirrifjuta li jwieġeb domandi dwar l-istraġi fi Brussell

e

L-ajruport inrternazzjonali ta’ Brussell mhux se jerġa’ jiftaħ qabel nhar it-Tlieta. Dan qed isir fuq deċiżjoni tal-awtoritajiet lokali wara l-attakki ta’ ftit jiem ilu fil-kapitali Belġjana li ħallew 31 mejtin.

L-ajruport ta’ Zaventem, fiz-zona ta’ Brussell, nhar it-Tlieta spiċċa l-ewwel mira għal terroristi li wettqu żewġ splużjonijiet suwiċida fis-sala tad-departures. Anqas minn siegħa wara, terrorista ieħor suwiċida spiċċa jtajjar bomba fil-metro tal-kapitali Belġjana fejn kienu mietu 20 persuna oħra.

Il-grupp ISIS assuma responsabbiltà għal dawn l-attakki u l-prosekuturi fil-Belġju, illum qed jgħidu li raġel bl-isem ta’ Salah Abdeslam, li qed jinżamm taħt arrest, irrifjuta li jwieġeb domandi dwar l-istraġi fi Brussell. Abdeslam hu suspettat ewlieni fl-attakki terroristiċi li l-ISIS kienu wettqu f’Pariġi, f’Novembru li għadda, u li ħallew għexieren ta’ mejtin u midruba.

Anki llum, prosekuturi Belġjani akkużaw raġel dwar aġir terroristiku b’konnessjoni mal-aħħar attakki fi Brussell. L-imputat, li issemma bħala Faycal C, kien arrestat nhar il-Ħamis li għadda.

Fil-preżent, grupp ta’ inġiniera u tekniċi qed jingħataw aċċess għall-bini tat-terminal ta’ Brussell għall-ewwel darba mindu seħħ l-attakk ta’ nhar it-Tlieta. Huma qegħdin jevalwaw il-ħsarat waqt li jaċċertaw jekk il-bini għadux stabbli. L-awtoritajiet fl-ajruport ta’ Zaventem anki qed iħejju biex jistallaw sistemi tas-sigurtà ġodda madwar il-kumpless.

Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti Barack Obama illum tkellem dwar is-sitwazzjoni u qal li l-Musulmani ma jridux jispiċċaw stigmatizzati bħala grupp ta’ nies, għaliex dan iservi biss għall-iskopijiet tat-terroristiċi.

Dan waqt li qed jiżdiedu l-inizjattivi għas-sigurtà fl-Ewropa, b’talanqas 12 il-persuna jispiċċaw arrestati waqt azzjonijiet ta’ sigurtà fil-Belġju, Franza u l-Ġermanja li saru bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa. Fil-preżent, numru kbir ta’ Belġjani qed ifakkru l-vittmi tat-terrur fi Brussell bi tqegħid ta’ fjuri, bnadar u messaġġi ta’ solidarjetà fil-Place de la Bourse, fiċ-ċentru tal-kapitali.