Lokali Saħħa

Tinfetaħ play area għat-tfal f’Mater Dei

Parliamentary Secretary for Health Chris Fearne attends the opening of a new play area at the Paediatric Ward at Mater Dei Hospital

Il-ħajja għal dawk li jkollhom bżonn l-isptar qatt mhi sabiħa jew faċli, iktar u iktar għal min sfortunatament ikollu jqatta’ jiem jew ġimgħat sħaħ f’xi ward.

Meta l-pazjent ikun iżgħar, bħat-tfal li jiffrekwentaw Disneyland, sfortunatament l-esperjenza hi ferm iżjed diffiċli għaliex kuntrarju għal tfal oħra dawn ma jkollhomx ix-xorti li jiġru u jilagħbu fil-beraħ.

Bl-għan li l-ħajja ssir kemmxejn iżjed faċli u biex dawn it-tfal jinsew għal ftit mumenti t-tbatija li għaddejjin minnha, f’Disneyland Ward is-Sibt kienet inawgurata play area fuq barra.

Din il-play area kienet possibbli grazzi għall-fondi miġbura minn Nathan Farrugia, li temm b’suċċess l-isfida ta’ 27 maratona f’27 ġurnata u li ħaditu f’27 stat tal-Unjoni Ewropea.

Grazzi għal din l-isfida, Nathan irnexxielu jiġbor iktar minn €100,000 li marru għal organizzazzjonijiet karitattivi fil-pajjiżi kollha li żar, fosthom Malta.

Rose Vella, Deputy Charge Nurse ta’ Disneyland, tispjega li t-tfal li jkollhom bżonn il-kura, iktar u iktar fit-tul, għandhom kemm jista’ jkun jingħataw ambjent rilassanti li jservihom ukoll ta’ trattament.

Il-playing area fuq barra ta’ Disneyland b’hekk tikkumplimenta wkoll il-playroom li kienet inawgurata fl-2012 u toffri ambjent rilassanti lit-tfal, imdawwra minn karattri tal-cartoons li tant huma popolari.