Il-kumpanija Statali Enemed, fl-4 ta’ Jannar ta’ din is-sena, ħarġet sejħa għall-offerti biex timporta 2,490,000 litri ta’ bio-diesel bejn Frar u Lulju ta’ din is sena. Fl-istess jum, l-Enemed ħarġet sejħa oħra għall-konsenja ta’ 30,000 tunnellata metrika ta’ diesel bejn Frar u Lulju. Dan ifisser konsenji ta’ 6.85 miljun litru diesel kull xahar.
F’intervista maħruġa fuq il-gazzetta Il-Mument, Alfred A. Farrugia, il-President tal-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta rrefera għall-Bulletin taż-Żejt li ta’ kull ġimgħa tippubblika l-Kummissjoni Ewropea. Hu qal li d-diesel hawn Malta jiswa 56.15 centeżmi kull litru qabel id-dazji u t-taxxi. Għalhekk, id-dazji u t-taxxi fuq id-diesel hawn Malta jiswew 65.85 centeżmi kull litru diesel, jiġifieri aktar minn kemm jiswa d-diesel innifsu!
Hu stqarr li wieħed jista’ jimmaġina li l-bejgħ tad-diesel f’Jannar kien bejn wieħed u ieħor l-istess bħal Frar u Marzu. “Għalhekk wieħed jista’ jikkonkludi li bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, l-Enemed biegħet iktar minn 20.5 miljun litru diesel u iktar minn 1.2 miljun litru bio-diesel.
Farrugia żied li meta wieħed jikkalkula dan l-ammont ta’ diesel kollu bir-rata ta’ 65.85 centeżmi ta’ dazji u taxxi kull litru, wieħed malajr jasal għall-konklużjoni li l-gvern daħħal iktar minn €14.3 miljun f’dazji u taxxi fi tliet xhur minn fuq id-diesel.
Fid-9 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, il-kumpanijia Statali Enemed kienet ħarġet sejħa għall-offerti għall-konsenji ta’ 6,900 tunnellati metrici ta’ petrol kull xahar bejn Jannar u Ġunju, inklużi żewġ konsenji ta’ 1,300 tunnellata metrika ta’ petrol RON98, ta’ kwalità aħjar mill-petrol normali.
Skont l-istess Bulletin taż-Żejt ta’ kull ġimgħa li tippubblika l-Kummissjoni Ewropea, id-dazji u t-taxxi fuq il-petrol li jdaħħal il-gvern hawn Malta jammontaw għal 75 centeżmi kull litru – iktar milli jiswa l-petrol qabel id-dazji u t-taxxi, li jammonta għall 56.9 centeżmi kull litru.
Farrugia qal li għaldaqstant, f’dawn it-tliet xhur, il-gvern se jkun daħħal ftit inqas minn €21.3 miljuni fuq il-petrol mid-dazji u t-taxxi.
B’hekk, bejn id-diesel u l-petrol, il-gvern se jkun daħħal iktar minn €35.6 miljun f’dazji u taxxi bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena.
Hu qal li meta wieħed jiftakar li r-rata ta’ taxxa fuq il-vetturi hawn Malta, jiġifieri it-taxxa ta’ reġistarzzjoni u t-taxxa ta’ ċirkulazzjoni, bħala persentaġġ tat-taxxa totali hija l-ogħla fl-Ewropa, għandu raġun il-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta li għamel petizzjoni biex jonqsu t-taxxi minn fuq is-sidien tal-karozzi privati.
Farrugia qal li l-gvern m’għandux għalfejn ikompli jisloħ il-konsumatur Malti bi profitti esaġerati minn fuq il-petrol u d-diesel permezz tal-kumpanija Statali Enemed, meta qed idaħħal iktar minn €35.6 miljuni f’dazji u taxxi kull tlett xhur.
//= $special ?>

