Lokali

Il-Ministru Konrad Mizzi jkompli jaħbi aktar konflitti ta’ interess

Il-Mument fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa tiżvela kif deċiżjonijiet importanti ħafna dwar proġetti kbar kapitali li jaqgħu taħt il-portafoll tal-Ministru Konrad Mizzi qed jgħaddu minn idejn persuna misterjuża li dwarha – minkejja pressjoni kbira u ripetutat li saret permezz għadha qatt ma nħarġet l-ebda informazzjoni.

Il-Mument tiżvela kif il-Ministru Konrad Mizzi – li hu direttament responsabbli mill-proġetti kapitali kbar fl-oqsma tal-enerġija u s-saħħa – ħatar lil Alan Comerford konsulent ewlieni tiegħu biex imexxih f’deċiżjonijiet importanti f’dawn il-proġetti fosthom il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa u Karen Grech, fejn għadhom qed jibqgħu mistura l-kuntratti miftehma.

Alan Comerford jokkupa r-rwol ta’ konsulent fil-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija iżda hu jirrapporta għax-xogħol fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fejn iżda ma jokkupa l-ebda kariga uffiċjali, la dik ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni u anqas kariga fit-tmexxija.

Minn investigazzjonijiet li għamlet Il-Mument jirriżulta li xahar biss wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lil Konrad Mizzi bħala l-Ministru tas-Saħħa wkoll, flimkien mal-Ministeru ġgantesk li diġà kellu għar-rigward tal-Enerġija, Alan Comerford waqqaf kumpanija ta’ konsulenza; Impaqt Limited bin-numru tar-reġistrazzjoni C64979 li l-indirizz tagħha hu l-Business Centre ta’ Nexia BT f’San Ġwann.

Sorsi li tkellmu magħna staqsew xi bżonn partikolari kellu l-konsulent ta’ Konrad Mizzi biex waqqaf kumpanija ta’ konsulenza, xahar wara li Konrad Mizzi nħatar Ministru tas-Saħħa?

Il-kumpanija Impaqt Limited ta’ Alan Comerford twaqqfet bi sħab mal-Managing Partner ta’ Nextia BT Karl Cini. Dan filwaqt li l-kumpanija Nexia BT għandha bħala wieħed mill-Managing Partners lil Brian Tonna, konsulent ieħor tal-Ministru Konrad Mizzi.

Fil-ġranet li għaddew kien żvelat kif il-kumpanija Nexia BT intużat mill-istess Ministru Konrad Mizzi biex waqqaf kumpanija sigrieta fil-Panama u fond moħbi ġewwa New Zealand.

Mill-istħarriġ li għamlet Il-Mument jirriżulta li Karl Cini hu wkoll wieħed mit-tliet persuni – flimkien mal-eks Imħallef Philip Sciberras u ibnu Alex Sciberras – li kien inħatar mill-Ministru Konrad Mizzi fil-Bord ta’ Inkjesta biex jinvestiga l-kwalità tal-konkrit tal-Isptar Mater Dei.

Numru ta’ mistoqsijiet li ntbgħatu lil Alan Comferford mill-gazzetta Il-Mument baqgħu mingħajr tweġiba.