Lokali

Muscat b’dahru mal-ħajt jirrikorri għat-tfigħ tat-tajn

Fil-ġranet li għaddew, il-Partit Laburista, permezz tal-Ministru Chris Cardona, iddeċieda li jkompli bil-kampanja ta’ gideb u tfigħ ta’ tajn lill-ogħla uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Din hija tattika li Joseph Muscat qed jinsisti li għandha tintuża biex jipprova jmewwet il-kriżi kbira li nqabad fiha l-partit tiegħu, wara li l-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, inqabdu b’kumpaniji moħbija l-Panama; kumpaniji twaqqfu fl-istess żmien li Konrad Mizzi kien qiegħed jiffirma numru ta ftehimiet bil-moħbi li swew lill-pajjiż telf ta’ miljuni t’ewro.

Il-Mument fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa tirraporta kif l-ewwel fil-mira tal-attakk, mill-medja Laburista, kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, it-tieni fil-mira tal-attakk kienet Ann Fenech imbagħad, bdew l-attakki fuq il-Viċi-Kap għall-Affarjiet tal-Parlament, Mario de Marco, bl-aħħar wieħed fil-mira tal-attakki jkun Beppe Fenech Adami, il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Partit. Serje ta’ akkużi u gideb lkoll, waħda waħda, ġew miċħuda u mhux emmnuti.

Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li fil-ġranet li ġejjin, il-Partit Laburista mistenni jħarrax il-kampanja ta’ ħmieġ tiegħu fil-konfront tal-ogħla uffiċjali tal-PN. Il-problema li qed jiffaċċja Joseph Muscat però, hija li ftit huma l-Membri Parlamanetari Laburisti u Ministri li lesti joħorġu għonqhom għalih u għal Konrad Mizzi.

Sorsi fil-Partit Laburista qed isostnu li huwa stramb ħafna kif il-Ministru Chris Cardona ġie mġiegħel joħroġ għonqu għall-Prim Ministru u għall-Ministru Konrad Mizzi, meta l-istess Ministru qiegħed ‘f’dar tal-ħġieġ’ imdawwar bi skandli li seħħew fl-aħħar tliet snin. L-istess sorsi semmew il-mod kif ingħatat liċenzja ta’ casinò lil xi ħadd viċin il-Parit Laburista, hija storja li għad trid tikber u li tista’ tkun imbarazzanti ħafna għal Chris Cardona u għal Joseph Muscat. Jissemmew ukoll diversi stejjer dwar kif Chris Cardona, minkejja li għandu diversi proprjetajiet f’Malta kif ukoll fl-Ukrajna u l-Bulgarija, spiċċa jgħix f’appartament mikri, uffiċjalment, lil Henley and Partners, il-kuntrattur tal-gvern li magħha, Joseph Muscat, ftiehem biex ibiegħ iċ-ċittadinanza Maltija.