Partit ġdid taċ-ċentru-xellug jista’ jsir realta’ fi ftit ġimgħat, jirrapporta l-ġurnal Times of Malta.
The Times tirrapporta li skont id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia, sal-aħħar ta’ April jistgħu jitħabbru l-istrutturi ta’ dan il-partit ġdid, ispirat minn filosofija politika taċ-ċentru xellug, jiġifieri, bħal Partit Laburista.
Id-Deputat Marlene Farrugia irriżenjat mill-Partit Laburista kif ukoll mill-Grupp Parlamentari Laburista f’Novembru li għadda, wara nuqqas ta’ qbil ma’ Joseph Muscat u l-Partit Laburista fuq numru ta’ kwistjonijiet, partikolarment, l-iżvilupp ta’ art verġni fiż-Żonqor.
L-artiklu f’The Times jirrapporta li Marlene Farrugia mistennija jkollha laqgħa mal-‘core group’ fis-sigħat li ġejjin li se jkollha l-għan li tiddetermina l-ħsieb politiku tal-partit ġdid kif ukoll l-istruttura.
Ma’ The Times, id-Deputat Indipendenti qalet li kollox beda minn individwi li flimkien iridu l-bidla u dan wassal għall-ħolqien ta’ partit b’programm politiku u saħanistra statut.
Skont Marlene Farrugia, l-aktar kwistjoni li qanqlet interess kienet il-karba għall-governanza tajba, għat-trasparenza u l-kotabbilta’ fil-ħajja pubblika.
//= $special ?>
