Ċedoli 2016 toħloq distakk bejn il-finanzjament u kwalunkwe obbligazzjoni

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

L-iskema Ċedoli 2016 hi mezz kif il-Partit Nazzjonalista jifred il-finanzjament li għandu bżonn minn xi obbligazzjoni ta’ kwalunkwe forma lejn min ikun offra dan il-finanzjament.

Sostna dan l-Avukat David Griscti, waqt il-programm Newsfeed li matulu kienet diskussa din l-inizzjattiva mill-Partit Nazzjonalista

Ċedoli 2016 hi skema volontarja fejn min jixtieq jgħin lill-PN, ikun jista’ jagħmel dan permezz ta’ self ta’ €10,000 għal 10 snin li fihom jitħallas imgħax ta’ 4% kull sena.

David Griscti kompla li din hi inizjattiva innovattiva li toħloq distakk bejn il-finanzjament u l-obbligazzjonijiet li wieħed jaħseb li jkollu meta jkun ta donazzjoni.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech qalet li dan hu l-pass li jmiss fil-pjan ta’ ristrutturar tal-finanzi tal-PN li fi tliet snin, irnexxielu jbiddel ir-rotta. Mistoqsija dwar il-qagħda finanzjarja tal-Partit, Ann Fenech wieġbet li kieku l-qagħda tal-PN ma kienetx soda, hu ma jkunx f’pożizzjoni li jaċċetta self u jintrabat li jagħti imgħax ta’ 4% fuqu.

Dwar il-kritika min-naħa tal-Partit Laburista, Ann Fenech wieġbet li l-Partit Laburista ma tantx jista’ jitkellem għaliex fl-2013 għamel kampanja li swiet il-miljuni meta sa ftit qabel, kien f’diffikultajiet u ftit wara li ħa f’idejh il-Gvern, il-PM Joseph Muscat ċeda l-kawża kontra l-Partit Laburista sabiex l-Australia Hall, li hi propjeta’ pubblika, tintradd lura.

Hi sostniet li fi ftit jiem kien hemm interess qawwi għal Ċedoli 2016 għaliex il-poplu xeba’ mill-iskandli u mill-korruzzjoni u jixtieq jara Partit Nazzjonalista b’saħħtu bil-għan li l-affarijiet jsiru b’mod sew.

Ann Fenech qalet li Ċedoli 2016 mhux prodott finanzjarju iżda hu kuntratt ta’ self bejn il-Partit Nazzjonalista u l-individwu li qed jagħmel is-self. Hi qalet li fix-xahrejn li jmiss, wara li tkun eżaminata s-sitwazzjoni, il-PN jaħseb biex iniedi skemi simili b’ammonti iżgħar.