It-tim Nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena tal-Waterpolo rritorna Malta wara li l-bieraħ rebaħ il-finali tal-EU Nations kontra l-Afrika ta’ Isfel 11-10 biex kiseb it-tielet suċċess konsekuttiv f’din il-kompetizzjoni.
Iż-żagħżugħ Jacob Sciberras rebaħ fuq bażi individwali l-MVP tat-tournament, unur li jinkuruna tournament mill-aqwa. Flimkien ma’ Jacob Sciberras, Darren Zammit u Matthias Azzopardi kienu parti mit-tliet timijiet li rebħu l-EU Nations.
Fil-finali, it-tim Malti għeleb lil dak it-tim li kien tilef miegħu fl-ewwel partita b’rimonta mill-aqwa wara li kienu minn taħt b’distakk ta’ tliet gowls għal ħafna mill-partita. Fil-mixja tagħhom, iż-żgħażagħ Maltin tilfu l-ewwel konfront kontra l-Afrika ta’ Isfel 8-7 b’gowl fl-aħħar sekonda, għelbu lil Irlanda 23-4, lill-Isvizzera 14-4 fil-kwarti tal-finali u lil Polonja 16-6 fis-semifinali qabel ma’ rebħu lis-Sud Afrikani 11-10 fil-finali.
Mertu għal dan is-suċċess imur għal plejers kollha tal-impenn tagħhom, il-kowċis Nazzjonali Karl Izzo, Anthony Farrugia u Adrian Cachia flimkien mal-assoċjazzjoni u l-ġenituri. Dan hu riżultat ieħor importanti li jkompli jkabbar l-interess u l-impenn ta’ dawk involuti biex l-isport lokali jkompli jogħla.
//= $special ?>