Lokali

Filmat: Kulħadd mistieden għall-Konferenza Nazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal – Robert Cutajar

Il-Familja hi dritt ta’ kull tifel u tifla. Din hi l-aġenda wara l-Konferenza Nazzjonali li l-Partit Nazzjonalista se jorganizza s-Sibt li ġej. Il-konferenza se titratta l-ħarsien tat-tfal u għaliha hu mistieden il-pubbliku inġenerali biex jaqsam il-ħsibijiet tiegħu.

NETnews tkellem ma’ Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u Kordinatur tal-Konferenza, li spjega li din se ssir fuq kollox grazzi għas-sehem ta’ diversi esperti fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal, fosthom mill-qasam tal-fostering u l-adozzjonijiet.

Robert Cutajar kompla li suġġett ieħor li se jkun diskuss hu l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ħarsien tat-Tfal, li tressaq quddiem il-Parlament f’Marzu 2014. Spjega kif l-iskop ewlieni tal-Konferenza Nazzjonali hu biex il-Partit Nazzjnalista jisma’ mill-esperti u mill-poplu ħalli jibqa’ jaġġorna l-politika tiegħu anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tat-tfal.

Il-Konferenza, li se tkun indirizzata wkoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u mix-Shadow Minister għall-Politika Socjali Paula Mifsud Bonnici, se titmexxa minn Albert Bell.