Lokali

Ir-Rialto se jibqa’ teatru

Wara li fuq is-sit soċjali itella’ ritratt ta’ permess tal-MEPA li t-teatru Rialto f’Bormla kien se jinbidel f’Moskea, il-MEPA, fi stqarrija qalet li dak il-permess li twaħħal mal-bieb tar-Rialto kien wieħed falz.

Fl-istqarrija l-MEPA qalet li l-permess hu wieħed fabbrikat u li pprova jagħti l-impressjoni li dak li kien il-bini ta’ sala taċ-ċinema, f’Bormla, jiġifieri r-Rialto, kien se jinbidel f’Moskea. Fl-istqarrija jingħad wkoll li l-Awtorita’ m’għandha l-ebda talba ta’ żvilupp fuq dak is-sit.

Jirriżulta anke li l-Awtorita’ għall-Ambjent u l-Ippjanar qed tinvestiga l-każ flimkien mal-Pulizija. Il-MEPA fl-istqarrija tagħha qalet li fl-2010 kienet skedat il-bini tar-Rialto bħala monument nazzjonali protett fit-tieni grad.

Aktar tard fi stqarrija l-Partit Laburista qal  li l-permess ta’ żvilupp imwaħħal mal-faċċata tal-propjetà tiegħu huwa għal kollox falz u nieqes mill-verità.

Dan il-fatt kien ikkoraborat minn stqarrija mill-MEPA li qalet kif dan il-permess huwa wieħed falz. Dwar is-sit inkwistjoni m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti u wieħed irid jistenna l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li ġew innotifikati bil-każ imsemmi.