Wara l-attakki terroristiċi fi Brussell, il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta qed toffri alternattiva oħra għall-klijenti tagħha.
Fi stqarrija, l-Air Malta spjegat li minħabba li l-Ajruport ta’ Brussell għadu magħluq wara l-attakki tal-ġimgħa li għaddiet, dawk kollha li rriservaw il-vjaġġ tagħhom għal Brussell, qegħdin jiġu awtomatikament ibbukjati fid-destinazzjoni lejn Dusseldorf, fil-Ġermanja.
Min hemm, il-linja tal-ajru qed toffri servizz ta’ trasport b’coaches biex il-passiġġieri jittieħdu fi triq qrib l-Ambaxxata Maltija fi Brussell.
Min-naħa l-oħra, dawk li bbukjaw titjira għall-vjaġġ KM421, minn Brussell għal Malta, għandhom ikunu fl-istess triq qrib l-Ambaxxata (Reu Archimede, 25, B-100) fis-2.15pm biex tiġi applikata l-istess proċedura, din id-darba fi triqthom lejn Malta.