Lokali

L-Awtorità tax-Xandir tbiddel id-deċiżjoni tagħha ġimgħa wara

Wara li l-ġimgħa li għaddiet, l-Awtorità tax-Xandir ħadet id-deċiżjoni li tagħti dritt ta’ risposta lill-Partit Nazzjonalista għall-programm Dissett ippreżentat mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja, illum, il-Partit Nazzjonalista rċieva ittra li fiha, l-Awtorità qalet li kienet qed tbiddel id-deċiżjoni tagħha.

Fid-deċiżjoni oriġinali tagħha, l-Awtorità qalet li “uħud mir-risposti mogħtija (mill-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi) kienu kummenti u osservazzjonijiet politiċi li għalihom il-Partit Nazzjonalista kellu d-dritt li jsemma l-veduti tiegħu. Għalhekk l-Awtorità ddeċidiet li tagħti dritt ta’ risposta ta’ tliet minuti u dan skont paragrafu 8.15.1 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 u li tali risposta għandha tixxandar fl-edizzjoni li jmiss tal-programm Dissett u għandha tinqara fil-bidu tal-programm mill-preżentatur.”

Wara li ntbagħtet id-dritt ta’ risposta skont kif rikjest, u li suppost kellha tinqara minn Reno Bugeja waqt il-programm Dissett ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, l-Awtorità ddeċidiet li ma xxandarx din ir-risposta, għaliex skont hi, kienet libelluża. Wara li saru xi emendi għall-istess risposta, llum, il-Partit Nazzjonalista rċieva ittra li fiha ntqal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jirreferi għall-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama fit-tweġiba tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li mhux talli d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir inbidlet ġimgħa wara, iżda talli l-Awtorità tax-Xandir, issa, qed iċċaħħad lill-Partit Nazzjonalista milli jitkellem dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti maċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir li tirrevedi l-u-turn oxxena li saret. Jekk iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir tonqos milli tagħmel dan, il-Partit Nazzjonalista jirriżerva kull dritt li tagħtih il-liġi.