Lokali

L-ebda trasparenza dwar x’għamlet Sai Mizzi fi tliet snin

Il-Malta Enterprise għadha qed iżżomm moħbi r-riżultati li suppost ġabet Sai Mizzi permezz tal-ħidma tagħha f’Shanghai. Il-ġurnal Times of Malta dalgħodu għamel tenttiv ieħor biex jakkwista informazzjoni dwar x’għamlet Sai Mizzi kemm ilha li tpoġġiet Mibgħut Speċjali fiċ-Ċina.

Iżda minkejja li l-Gvern kien wiegħed trasparenza, il-Malta Enterprise qed tgħid li mhix f’pożizzjoni li toħroġ dettalji dwar ix-xogħol ta’ Sai Mizzi. Il-Malta Enterprise wieġbet li ma tistax tikxef l-ismijiet ta’ kumpaniji li sar kuntatt magħhom min-naħa ta’ Sai Mizzi għax din l-informazzjoni hi kummerċjalment sensittiva.

Mart il-Ministru Konrad Mizzi se tkun għamlet tliet snin f’din il-kariga u s’issa, l-uniku ħoss li kellna min-naħa tagħha kien meta saret konferenza tal-aħbarijiet b’pompa kbira biex jitħabbar is-suppost investiment minn Huawei.

Huawei suppost waqqfet uffiċċju żgħir fi SmartCity, li iżda dejjem ikun magħluq. Dan l-uffiċċju żgħir jinfetaħ biss meta jiġu xi rappreżentanti ta’ Huawei f’Malta.