Il-gideb riċiklat mill-Partit Laburista fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami diġà ġie mgiddeb mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista tant li, għax m’għandux x’jaħbi, mar fuq programm fuq l-Istazzjon tal-Istat biex jiċħad u jgiddeb lill-Partit Laburista, kif ukoll fetaħ libell kontra l-Partit Laburista u l-media tiegħu.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, wara li aktar kmieni llum, il-Partit Laburista hijacked minn Keith Schembri u Konrad Mizzi reġa’ rrepeta l-gideb li ntqal fil-jiem li għaddew fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li Beppe Fenech Adami diġà ċaħad fil-pubbliku l-gideb tal-Partit Laburista jikkuntrasta ħafna mal-aġir ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, li qed jirrifjutaw l-istediniet tal-media u jaħarbu l-mikrofonu kull darba li jsirulhom il-mistoqsijiet. Dawn huma l-aktar żewġ persuni b’saħħithom fil-Gvern ta’ Muscat u għandhom ħafna xi jwieġbu dwar il-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama.
Fl-istqarrija ngħad li sal-lum, il-poplu Malti u Għawdxi għadu bla tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet:
– Għalfejn Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, li hu pajjiż magħruf mad-dinja kollha għall-ħasil tal-flus?
– Għalfejn Konrad Mizzi gideb meta qal li se jpoġġi l-propjetà tiegħu fil-kumpanija sigrieta, meta issa rriżulta li ma jistax jitrasferixxiha għax hi marbuta mal-bank?
– Għalfejn Keith Schembri ta parir lil Konrad Mizzi biex jiftaħ kumpanija sigrieta n-naħa l-oħra tad-dinja?
– Kemm u lil min ħallsu Keith Schembri u Konrad Mizzi biex fetħu dawn il-kumpaniji sigrieti?
– Għaliex Konrad Mizzi ta struzzjonijiet biex ma jsirx ‘audit’ tal-kumpanija sigrieta tiegħu? Keith Schembri ta l-istess struzzjonijiet bħal Konrad Mizzi?
– Għaliex Konrad Mizzi ta struzzjonijiet ta’ ‘total secrecy and confidentiality’ dwar din l-istess kumpanija? Keith Schembri ta l-istess struzzjonijiet bħal Konrad Mizzi?
– Għaliex Konrad Mizzi fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama u, skont hu, ħalliha vojta s’issa?
– X’inhi r-raġuni li Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu l-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama fl-istess żmien li kienu qed jinnegozjaw bil-moħbi deal taż-żejt mad-dittaturi korrotti fl-Ażerbajġan, li mill-istess ‘deal’ sar telf ta’ €14-il miljun għall-poplu Malti u Għawdxi?
– Għaliex dakinhar li l-kumpanija Gasol biegħet l-ishma tagħha lill-Konsorzju li qed jibni l-Powerstation, Konrad Mizzi trasferixxa l-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama fi Trust fi New Zealand?
Minflok moħħu fid-dar ta’ Beppe Fenech Adami, Joseph Muscat aħjar ikeċċi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi. Aktar ma jdum jiddefendihom, aktar jikkonferma s-suspetti li hu kompliċi magħhom, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>