Qorti

Mhux ħatja ta’ feriti gravi fuq raġel li qabduh jisraqhom

Raġel ta’ 56 sena miż-Żejtun u żewġ uliedu kienu liberati mill-Qorti wara li ma nstabux ħatja li kkaġunaw feriti gravi fuq raġel ieħor meta qabduh jipprova jisraw mill-ħanut tagħhom. L-inċident kien seħħ fis-26 ta’ Diċembru tal-2012.

Joseph Micallef u wliedu Clayton ta’ 30 sena u Luke ta’ 26 sena kienu mixlija wkoll li żammew ir-raġel kontra l-volonta’ tiegħu u li qerdu evidenza.

Waqt il-proċeduri quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, sar magħruf li l-Pulizija kienu rċevew telefonata mingħand sid il-ħanut, li kien irrapporta li ħalliel kien inqabad waqt li kien qiegħed jisraq fliexken tal-whisky mill-ħanut GM Discount Store fiż-Żejtun.

L-allegat ħalliel, Anthony Seisun, kien arrestat u nstab li sofra ġrieħi ta’ natura gravi f’widintu l-leminija. Fix-xhieda tiegħu, Seisun qal li ġie aggredit mill-akkużati u persuna oħra ta’ karnaġjon skura. Qal ukoll li l-persuna ta’ karnaġjon skura kien ordnat jimsaħ id-demm.

Xehed ukoll l-akkużat Joseph Micallef li qal li Seisun attakkah meta huwa nformah li kien għamel rapport lill-pulizija fejn qal ukoll li minn filmati tal-cameras tas-sigurta’ deher li Seisun kien qed jaħbi flixkien tal-whisky fil-ġakketta u mbagħad kien ikkonfrontat meta reġa mar fil-ħanut għat-tieni darba.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ filmati, l-akkużat ta l-filmat tal-ewwel inċident ta serq lill-Pulizija iżda l-filmat ta’ x’ħin seħħ l-allegat swat kien tħassar.

Il-Qorti nnotat li Seisun kien ikonsistenti meta l-ewwel qal li kien imsawwat mill-ulied iżda mbagħad wara qal li kien wiċċu lejn il-ħajt meta ġie msawwat. Il-Maġistrat Scerri Herrera qalet li l-inabilita’ tar-raġel li viżwalment jidentifika lil min aggredieh kienet xi ħaġa li ħalliet il-possibilta’ li l-ġrieħa setgħu ġew ikkaġunati mir-raġel ta’ karnaġjon skura.

Għaldaqstant, il-Qorti ħelset lil Micallef u ż-żewġ uliedu minn kull akkuża