Lokali

Muscat u l-Kitchen Cabinet tiegħu jaħbu lil Konrad Mizzi mill-media

Joseph Muscat u nies fiċ-ċirku intern tal-Partit Laburista ħadu deċiżjoni li għalissa jżommu lill-Ministru Konrad Mizzi ‘l bogħod mill-media.

Il-ġurnal In-Nazzjon illum irrapporta kif il-Ministru Mizzi qed jimbarazza serjament lill-Gvern sal-punt li fil-Kitchen Cabinet tal-Prim Ministru Muscat ittieħdet id-deċiżjoni li għalissa aħjar ma jidhirx fil-media u ma jattendix programmi tat-televiżjoni meta jkun mistieden.

Il-Ministru Konrad Mizzi, l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, bħalissa jinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja sħiħa minħabba l-kumpanija sigrieta fil-Panama, li fetaħ fl-2015 wara li sar Ministru.

Il-Ministru Konrad Mizzi mhux biss waqqaf kumpanija sigrieta f’pajjiż dellu tqil fejn jidħlu flus ġejjin mill-korruzzjoni, iżda waqqaf ukoll fond moħbi fi New Zealand.

In-Nazzjon fakkar kif din hi turija kbira ta’ sfiduċja fis-sistemi finanzjarji Maltin, li huma mfaħħra mhux biss lokalment, iżda wkoll lil hinn minn xtutna.