Lokali

Proġett mill-NCPE biex ikunu miġġielda l-isterjotipi fir-rwoli tal-mara u r-raġel

L-importanza tar-rwol tal-irġiel fil-kisba tal-ugwaljanza u fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja huma t-temi ċentrali tal-proġett ġdid “Equality beyond Gender Roles” mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE).

Dan il-proġett, maqsum fuq sentejn, għandu numru ta’ għanijiet fosthom li tiżdied il-kuxjenza tar-rwol tal-irġiel fil-kisba tal-ugwaljanza, żieda tal-għarfien permezz ta’ inizjattivi ta’ taħriġ, li jitkissru l-isterjotipi tar-rwoli tradizzjonali tal-mara u r-raġel, kif ukoll li jiżdied l-għarfien ta’ numru ta’ ‘family-friendly measures’ disponibbli ħalli jsir aktar użu minnhom.

Waqt seminar organizzat mill-NCPE, il-Kummissarju għall-Ugwaljanza Renee Laiviera saħqet dwar l-importanza tar-rwol tal-irġiel biex tinkiseb l-ugwaljanza. L-ugwaljanza fl-opportunitajiet tista’ tinkiseb biss jekk l-irġiel u n-nisa jaħdmu flimkien għax it-tnejn li huma għandhom x’jiggwadanjaw mill-ugwaljanza bejn is-sessi.

Laiviera qalet li ħafna rġiel isibuha bi tqila li jidħlu f’postijiet u rwoli meqjusa bħala tan-nisa minħabba l-biża li jiġu redikolati u mgħajjra ffemminati. Sostniet li sterjotipi tar-rwol maskili u femminili għandhom ikunu miġġielda, kemm fl-Iskejjel kif ukoll fis-suq tax-xogħol.

Dan se jsir permezz ta’ kampanji edukattivi, kif ukoll permezz tal-media soċjali. Il-proġett hu kofinanzjat mill-Programm taċ-Ċittadinanza, id-Drittijiet u l-Ugwaljanza tal-Unjoni Ewropea.