“Rajt żewġ bouncers barranin, fihom sitt piedi u nofs, jarmu żgħażagħ Maltin mal-art qisek qed tarmi borża taż-żibel.”
Hi din ix-xhieda ta’ persuna li l-Ħadd filgħaxija nzertat għaddejja minn Santa Rita Steps waqt li numru ta’ żgħażagħ kienu qed jiġu aggrediti bi vjolenza fuq barra ta’ stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.
Tgħid li mill-inqas wieħed mill-bouncers preżenti kien Malti, waqt li l-oħrajn kienu barranin.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-19:45 u l-Pulizija kkonfermat li dwar l-inċident sar rapport minn żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Birżebbuġa. Dan is-sit hu nfurmat li numru ta’ persuni kellhom jiddaħħlu l-isptar.
L-istess xhieda li rat dan il-każ iseħħ tispjega li kien hemm mill-inqas erba’ żagħżugħ li sfaw aggrediti b’tant vjolenza li wħud minn dawk preżenti saħansitra ppruvaw iwaqqfu lill-bouncers.
Xhieda oħra li b’mod kunfidenzjali kkuntattjat lil dan is-sit spjegat li kien hemm mill-inqas seba’ li daru lill-vittmi. “Iż-żagħżugħ beda jipprova jqum, imma huma mbuttawh mill-ġdid, u qabdu jtuh bis-sieq u bil-ponn. F’ħin minnhom ramewh mal-art, laqat rasu mal-art u nstema’ ħoss qawwi.”
Tkompli li ż-żagħżugħ baqa’ jipprova jqum, fl-istess waqt li mill-istabbiliment tal-madwar bdew joħorġu iżjed bouncers, sakemm fl-aħħar irnexxielu u ħarab mill-post.
Sadattant qed isir appell lil ħafna persuni li nzertaw fl-inħawi, u li wħud minnhom deheru jiġbdu filmati u ritratti ta’ dak li seħħ. Min għandu xi informazzjoni jew jista’ jgħaddi r-ritratti jew filmati hu mitlub jagħmel dan fuq news@media.link.com.mt, anke b’mod kunfidenzjali.
//= $special ?>