Ġiet fi tmiemha ż-żjara tal-President tal-Kosovo Atifete Jahjaga f’Malta, li matulha kien iffirmat ukoll Memorandum of Understanding bejn il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta u dik tal-Kosovo.
F’indirizz lill-media, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca faħħret il-koperazzjoni dejjem akbar bejn iż-żewġ pajjiżi, wara li aktar kmieni din is-sena ġie ffirmat ftehim ieħor, din id-darba bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin rispettivi u fil-futur qrib mistenni jiġi ffirmat ukoll ftehim dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn Malta u l-Kosovo.
Il-President Coleiro Preca tenniet mill-ġdid l-appoġġ ta’ pajjiżna lejn il-Kosovo u l-futur tal-pajjiż, filwaqt li wegħdet impenn li pajjiżna jkompli jaħdem biex ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali.
Filwaqt li fakkret li Malta hu pajjiż li jirrikonoxxi lill-Kosovo bħala Stat Indipendenti, il-President Jahjaga qalet li pajjiżha jibqa’ grat lejn Malta. Hi wegħdet ukoll ħidma iżjed fit-tul bejn iż-żewġ pajjiżi.
//= $special ?>

