13:55 – Seif El Din Mustafa, il-moħħ wara l-ħtif tal-ajruplan tal-EgyptAir, ġie arrestat mill-Pulizija Ċiprijotta wara sigħat ta’ negozjati u żviluppi.
13:41 – Filmati minn stazzjon tat-televiżjoni Ċiprijott fl-aħħar ħin urew persuna taqbeż mill-cockpit tal-ajruplan wara li ftit aktar kmieni dehru tlett persuni ħerġin mill-ajruplan.
Sadanittant, NETnews.com.mt ħejja rapport qasir ta’ dak kollu li hu magħruf sa’ issa hekk kif kien hemm diversi rapporti konflinġenti fl-iżvilupp ta’ din l-istorja. Agħfas hawn biex tara dak kollu li nafu sa’ issa.
13:21 – Rapporti ġodda qed jgħidu li Seif El Din Mustafa qed jitlob li jinħelsu priġunieri nisa mill-Eġittu. Dan ikompli jżid fil-konfużjoni li hemm dwar il-ħtif ta’ dan l-ajruplan. Is-sitwazzjoni fl-ajruport ta’ Larnaka f’Ċipru għadha għaddejja, fost sigurtà stretta li l-awtoritajiet ta’ Ċipru stabilixxew madwar l-ajruplan.
12:04 – Żvelat li l-identità tal-persuna li ħataf l-ajruplan hu Seif El Din Mustafa, ċittadin Eġizzjan li ħataf l-ajruplan biex imur jara lill-eks mara tiegħu f’Ċipru. Dan ifisser li Ibrahim Samaha, li ritratt tiegħu ġie ppubblikat minn stazzjonijiet tat-televiżjoni fl-Eġittu, hu sempliċiment passiġġier abbord it-titjira.
11:27 – Abbord l-ajruplan, b’kollox fadal 7 persuni, li tlieta minnhom huma membri tal-ekwipaġġ. Dan hekk kif tħabbar li l-Eġittu se tkun qed tibgħat ajruplan biex tirritorna lill-passiġġieri Eġizzjani.
10:59 – Jidher li l-ħtif tal-ajruplan tal-EgyptAir kien motivat “mill-imħabba”! Skont rapporti fil-media, ir-raġel li ħataf l-ajruplan ried ikellem lill-mara Ċiprijotta tiegħu. Qed ikun rappurtat li l-mara tar-raġel tinsab fi triqtha lejn l-ajruport ta’ Larnaka. Aqra iżjed hawn.
10:52 – Il-media internazzjonali ppubblikat ritratt tar-raġel li qed jingħad li ħataf l-ajruplan tal-EgyptAir. Aqra iktar dwar il-persuna li ħataf l-ajruplan billi tagħfas hawn.
10:40 – L-EgyptAir ħabbret li twaqqfu żewġ linji ta’ emerġenza għall-familjari tal-passiġġieri li kienu abbord l-ajruplan maħtuf.
Intant, il-BBC qed jirrapporta li l-Kap tal-Ajruport ta’ Borg El Arab f’Alexandria, jiġifieri minn fejn telqet it-titjira, qal li kien hemm 8 Amerikani, 4 Ingliżi, 2 Belġjani, Taljan, 4 Ġermaniżi u 30 Eġizzjan abbord it-titjira.
09:48 – “Negozjati mal-persuna li ħataf l-ajruplan wasslu għall-ħelsien tal-passiġġieri kollha ħlief xi ftit passiġġieri u erba’ barranin” qalet l-EgyptAir fi stqarrija. Dan hekk kif il-Gvern Ċiprijott qal li ma kien hemm l-ebda talba mill-persuna li ħataf l-ajruplan, li skont rapporti fil-media kien liebes ċinturin bl-isplussivi.
09:23 – L-EgyptAir qed tgħid li nħelsu l-passiġġieri kollha għajr xi membri tal-ekwipaġġ u ħames passiġġieri barranin. Skont rapporti aktar kmieni, fuq l-ajruplan kien hemm 7 membri tal-ekwipaġġ abbord. L-EgyptAir qalet li l-passiġġieri nħelsu wara negozjati mal-persuna li ħataf l-ajruplan, u li kollox jindika li kien liebes ċinturin bl-isplussivi.
Intant hemm rapporti li fuq l-ajruplan kien hemm numru ta’ passiġġieri ta’ nazzjonalità Ingliża u Amerikana, apparti ammont sostanzjali ta’ passiġġieri Eġizzjani.
09:05am – Il-media internazzjonali qed tirrapporta li 20 persuna nħelsu mill-ajruplan maħtuf. L-ajruplan telaq mill-Ajruport ta’ Borg f’Alexandria u kien fi triqtu lejn il-Kajr, madanakollu tniżżel f’Ċipru wara li nħataf minn persuna li hedded li għandu l-isplussivi marbuta miegħu.
Sadanittant, il-linja tal-ajru tal-Eġittu, l-EgyptAir, qalet li t-titjira numru 181 kienet qed iġġorr 81 passiġġieri.
Aktar kmieni…
Kollox jindika li kien hemm hijack ta’ ajruplan tal-EgyptAir li tniżżel f’Ċipru. Mill-ewwel informazzjoni jidher li t-titjira telqet minn Alexandria lejn il-Kajr. Ir-ritratt ta’ fuq juri r-rotta tal-ajruplan mill-Eġittu lejn Ċipru.
Kelliema għall-Gvern Ċiprijott qed jgħid li hemm suspetti ta’ bomba fuq l-ajruplan. Dan wara li l-ajruplan inħataf għall-ħabta tas-7.30 ta’ dalgħodu minn persuna li għad irid ikun identifikat. L-anqas għad hu magħruf jekk din il-persuna hijiex membru ta’ xi organizazzjoni terroristika.
Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li abbort l-ajruplan hemm 55 persuna, f’grupp ta’ 7 membri tal-ekwipaġġ, għalkemm rapporti oħrajn qed jgħidu li hemm aktar minn 80 persuna abbord.
Nies esperti fl-avjazzjoni qalulna li minħabba li t-titjira kienet waħda interna, jiġifieri li tibqa’ fl-istess pajjiż… l-ammont ta’ fjuwil ikun ftit u għalhekk l-ajruplan ma setax imur ‘l bogħod.
//= $special ?>