Internazzjonali

“Dejjem ikun hemm mara involuta!” – il-President Ċiprijott dwar il-ħtif tal-EgyptAir

“Dejjem ikun hemm mara involuta!” qal b’ċajta l-President Ċiprijott meta kien mistoqsi dwar il-motivazzjoni wara l-ħtif tal-ajruplan tal-EgyptAir dalgħodu.

Il-President ta’ Ċipru, Nicos Anastasiades, kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, li bħalissa jinsab f’Ċipru.

Fir-risposti tiegħu, il-President Ċiprijott qal li l-ħtif m’għandux x’jaqsam mat-terroriżmu.

Għal din l-istqarrija, il-President Ċiprijott kien mistoqsi mill-ġurnalisti jekk jikkonfermax li l-ħtif għandu x’jaqsam ma’ mara u kien hawnekk fejn wieġeb li “dejjem ikun hemm mara involuta!”

Ir-raġel wara l-ħtif kien konfermat li hu Seif El Din Mustafa, ċittadin Eġizzjan li allegatament ħataf l-ajruplan biex imur ikellem lill-eks mara tiegħu, li tinsab f’Ċipru.