Dak li ġara fl-aħħar 24 siegħa hu eżempju ċar ta’ attentat biex il-Partit Nazzjonalista jiġi mfixkel milli jagħmel dmiru fil-konfront ta’ Gvern mgħarraq fi kriżi ta’ korruzzjoni. Id-deċiżjoni mibdula tal-Awtorità tax-Xandir qed tipprova ssikket lill-Partit Nazzjonalista milli jitkellem dwar dan l-akbar skandlu politiku li qatt kellna f’pajjiżna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake qalet li ħadd u xejn mhu se jagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista milli jkompli, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, jagħmel il-mistoqsijiet li kulħadd għandu d-dritt għal tweġiba għalihom. Hu ċar li l-istrateġija ta’ Joseph Muscat hi mibnija fuq ingann, ħabi u intimidazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qalet li dak li qed jippruvaw jagħmlu Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi hu li jaħtfu mhux biss il-Partit Laburista, iżda wkoll strument tal-Istat bħalma hu x-Xandir Pubbliku. Minflok ma għamel dak li kellu jagħmel u keċċa lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, Muscat qed jara kif jagħlaq ħalq min qed jitkellem dwar dan l-iskandlu, qalet Rosette Thake.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli qal li ċ-Chairperson hi biss membru wieħed minn ħamsa tal-Awtorità tax-Xandir. B’hekk, m’għandhiex id-dritt li b’mod unilaterali ddawwar deċiżjoni li jkun ħa l-Bord b’mod kollettiv. Dan it-tibdil jaġevola biss lill-Gvern tal-ġurnata u lill-Partit Laburista.
Clyde Puli sostna li issa mhux biss għandna Stazzjon Nazzjonali li jiċċensura u jkun żbilanċjat, iżda deċiżjoni bħal din meħuda mill-Awtorità tax-Xandir ma tagħmilx sens u tqajjem dubji serji. Issa għandna regolatur li mhux kapaċi jassigura d-dritt taċ-ċittadin għal informazzjoni imparzjali, kompla l-Kelliem tal-Oppożizzjoni.
Għal dan il-għan, il-Partit Nazzjonalista qed jirrifjuta t-talba taċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir biex jiddedika l-ħin allokat lilu fuq kollox minbarra fuq l-Iskandlu Panamagate. Għaldaqstant, illum il-Partit Nazzjonalista reġa’ għadda lill-Awtorità l-istess dritt ta’ risposta li titratta l-akbar skandlu politiku ta’ pajjiżna.
Filwaqt li appella liċ-Chairperson tal-Awtorità biex tapplika d-deċizjoni oriġinali tal-Bord u li tkun fuq in-naħa taċ-ċittadin bid-dritt tiegħu għal informazzjoni sħiħa u imparzjali, il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jekk ic-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir se tibqa’ tinsisti u ma tirrevedix id-deċiżjoni, se jieħu l-każ il-Qorti biex jitlob ir-rimedju li jistħoqqlu.
//= $special ?>

