Il-Kap Eżekuttiv tal-ajruport internazzjonali ta’ Brussell, Arnaud Feist, qal li jridu jgħaddu x-xhur sakemm l-ajruport jerġa’ jiftaħ kompletament u jkompli bis-servizzi tas-soltu. Dan waqt li l-istaff tal-ajruport ta’ Zaventem irritornaw fil-post, ġimgħa wara li t-terminal spiċċa mira ta’ aggressuri suwiċida tal-ISIS.
Feist qed jittama li l-ajruport, għada, jiftaħ ‘sa 20 mija tal-kapaċità tiegħu’, iżda hu ammetta li wieħed irid jistenna x-xhur sakemm l-ajruport jipprovdi s-servizzi kollha ta’ qabel.
Matul il-jum kien hemm sigurtà intensiva madwar l-ajruport ta’ Zaventem, bil-mijiet ta’ l-istaff iħejju provi għall-infrastruttura temporanja li tqiegħdet fiz-zona wara t-terrur ta’ ġimgħa ilu fil-kapitali Belġjana, li ħalla 35 mejtin.
Madwar 95 oħra għadhom l-isptar wara li splużjonijiet qattiela, dakinhar, laqtu l-ajruport u ferrovija tal-metro fil-qalba tal-kapitali.
Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet Belġjani ħelsu lill-uniku suspettat li kien akkużat b’konnessjoni mal-attakki u l-prosekuturi qalu li ma kienx hemm biżżejjed provi fil-konfront tas-suspettat, identifikat bħala Faycal C. Dan meta qamu dubji ġodda dwar kif l-awtoritajiet Belġjani mexxew il-każ partikolari.
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fi Brussell reġgħu fetħu fost il-miżuri tas-sigurtà addizzjonali. Qed ikunu introdotti tfittxijiet aktar intensivi għall-bagalji u vetturi fiz-zona tal-Parlament Ewropew fil-kapitali Belġjana, waqt li spiċċaw sospiżi ħafna avvenimenti organizzati (fl-inħawi) minn entitajiet mingħajr konnessjoni mal-UE.
* L-AIR MALTA ħabbret li minħabba li l-ajruport ta’ Brussell se jibqa’ magħluq għada, it-30 ta’ Marzu, il-linja nazzjonali għandha, minflok, taħdem is-servizzi lejn u mill-ajruport ta’ Dusseldorf, fil-Ġermanja. Il-passiġġieri bbukkjati mal-Air Malta biex jivvjaġġaw, għada, lejn u minn Brussell, huma kkonfermati għal din it-titjira b’sistema ta’ rebooking. Il-linja ta’ Malta anki qed torganizza it-trasport mill-art bejn Brussell u l-ajruport ta’ Dusseldorf u lura.
//= $special ?>