Internazzjonali

L-Istati Uniti: Kollaboratur ta’ Donald Trump akkużat bl-aggrediment ta’ ġurnalista

Il-manager li qed jieħu ħsieb il-kampanja politika tal-kandidat Repubblikan, Donald Trump, spiċċa akkużat dwar l-aggrediment ta’ ġurnalista. Hu allegat li l-aggrediment seħħ waqt avveniment ta’ din il-kampanja. Dan meta l-Partit Repubblikan, fix-xhur li ġejjin, jikkonferma l-kandidat għall-elezzjoni ta’ Novembru li tiddeċiedi l-Presidenza tal-Istati Uniti.

Corey Lewandowski hu akkużat dwar vjolenza fil-konfront ma’ Michelle Fields li kienet tirrapporta għall-Breitbart. L-allegazzjoni tgħid li Lewandowski, fit-8 ta’ Marzu li għadda, kien kaxkar lil Fields mal-art meta hi ippruvat tagħmel mistoqsija. Mifhum li l-ġurnalista spiċċat tweġġa’ dirgħajha f’dan l-inċident.

In-nies involuti fil-kampanja ta’ Trump, li hu l-favorit li jikkuntesta għall-White House f’isem ir-Repubblikani, qalu, permezz ta’ stqarrija, li Lewandowski qed jippjana biex jiċħad l-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Intant, il-pulizija f’Jupiter, fi Florida ( fejn Lewandowski kien arrestat) ħarġu filmat ġdid dwar l-allegat aggrediment.