’Il fuq minn 200 persuna spiċċaw arrestati fil-Pakistan waqt li għaddejja kaċċa għall-persuni responsabbli mill-isplużjonijiet terroristiċi ta’ Ħadd il-Għid, f’Lahore, li rriżultaw f’mill-inqas 70 mejtin.
L-arrestati huma fost aktar minn 5,000 persuna li għaddejjin minn interrogazzjoni waqt offensiva ġenerali kontra t-terroriżmu. Il-qawwiet tas-sigurtà anki ħatfu numru ta’ armi u munizzjon waqt sensiela ta’ rejds fil-pajjiż.
Il-grupp Jamaat-ul-Ahrar, li kien jifforma parti mit-Taliban, qal li kien responsabbli mill-attakk ta’ jiem ilu ‘fuq il-Kristjani li kienu qed jiċċelebraw l-Għid’. Intant, il-parti kbira tal-maqtula f’dak l-attakk kienu Musulmani, b’ta’lanqas 30 mill-vittmi jkunu tfal.
Il-Ministru responsabbli miż-żamma tal-liġi fil-provinċja ta’ Punjab, Rana Sanaullah, tkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Lahore u sostna li m’hemm l-ebda ‘irkejjen ta’ kenn’ għall-militanti f’din il-provinċja.
Hu qal ukoll li saru għexieren ta’ azzjonijiet għall-ġbir ta’ informazzjoni li tgħin fil-ġlieda kontra t-terrur min-naħa tal-pulizija, il-paramilitari, il-membri tal-Armata u s-servizzi sigrieti tal-Pakistan.
//= $special ?>