Lokali

Muscat differenti minn tmien snin ilu

L-Editorjal ta’ The Times illum għamel mistoqsija diretta u pertinenti, kif qed jagħmel il-poplu Malti quddiem l-iskandli li qed jiffaċċja l-Gvern: Għaliex Joseph Muscat għażel li ma jneħħix lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri?

The Times iffoka fuq it-tmien snin ta’ tmexxija ta’ Muscat bħala Mexxej Laburista u spjega minn fejn telaq kważi tmien snin ilu. Il-ġurnal għamel paragun bejn Muscat il-Mexxej ġdid Laburista ta’ tmien snin ilu u Muscat il-Prim Ministru tal-lum, li qed jirriskja li jispiċċalu dak kollu li kien jitkellem fuqu u jwiegħed tmien snin ilu.

The Times isostni li dan se jseħħ jekk Muscat ma jagħmel xejn quddiem l-iskandli tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Isostni li ma jistax jifhem kif il-Prim Ministru jidher li ma fehemx il-problema li ħoloq l-Iskandlu Panamagate għax hu żball għal Ministru tal-Gvern li jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.

Quddiem dan kollu, The Times irrefera għaż-żewġ twissijiet pubbliċi mill-Ministri Laburisti Evarist Bartolo u Leo Brincat, li fihom wissew lill-Gvern biex ma jtellifx il-kisbiet bi żbalji.

L-istess politiku li mar quddiem il-laburisti tmien snin ilu bħala Mexxej li Jisma’, illum qed jinjora s-sinjali ta’ twissja, sostna l-Editorjal ta’ The Times.