Ir-riżenja tal-Ministru tat-Turiżmu Brażiljan żiedet il-pressjoni għall-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, fi żmien ta’ allegata korruzzjoni konnessa ma’ membri ewlenin tal-Partit tal-Ħaddiema fil-Gvern, li l-istess Rousseff tifforma parti minnu.
Ir-riżenja ta’ Henrique Eduardo Alves minn Ministru titqies bħala l-aħħar daqqa ta’ ħarta għal Rousseff, li qed titlef mill-popolarità waqt li membri u assoċjati tal-Partit tal-Ħaddiema qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet ta’ tixħim u diversi forom ta’ korruzzjoni.
Il-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan hu implikat sew f’investigazzjoni li ilha għaddejja b’konnessjoni ma’ xiri ta’ favuri min-naħa ta’ kuntratturi involuti mal-kumpannija taż-żejt tal-Istat, Petrobras.
Id-deputati parlamentari tal-Oppożizzjoni jridu jneħħu lil Dilma Rousseff minn President, fost allegazzjonijiet li hi kellha sehem f’manipulazzjoni intiża li taħbi l-iżbilanċ nazzjonali. Dan wara li l-Ispeaker tal-kamra t’isfel tal-Kungress, Eduardo Cunha, kien qabel, xhur ilu, li jiftaħ proċeduri ta’ impeachment fil-konfront tagħha.
Uffiċjali tal-Partit għall-Moviment Demokratiku Brażiljan, li jifforma parti mill-koalizzjoni ta’ Rousseff, qed iħejju biex jivvutaw ħalli jinħallu mill-alleanza mal-President tal-Brażil. Jidher ukoll li l-parti kbira tal-membri tal-Moviment Demokratiku ddeċidew li jabbandunaw din il-koalizzjoni, b’Alves ikun l-ewwel membru tal-partit inkwistjoni li rriżenja mill-Gvern.
//= $special ?>