Lokali

Sit ġdid għall-ajruport internazzjonali ta’ Malta jtejjeb l-esperjenza tal-utenti online

Illum ġie mniedi sit ġdid tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, biex jgħin lill-utenti jippjanaw il-vjaġġi tagħhom aħjar permezz ta’ funzjonijiet innovattivi bħall-possibbiltà li ssib x’titjiriet jitilqu mill-ajruport ta’ Malta għal destinazzjoni mixtieqa.

Is-sit il-ġdid huwa mistenni li jagħti lill-utenti esperjenza eċċellenti li tmur lil hinn mit-Terminal.

Tul id-diversi xhur ta’ żvilupp tas-sit, it-tim ikkonċernat iffoka fuq il-perfezzjoni ta’ disinn li jippermetti li s-sit jintuża faċilment u li huwa wkoll viżwalment attraenti. Dawn iż-żewġ fatturi huma maħsubin biex jipprovdu l-aqwa esperjenza online lill-utent, li finalment tinkoraġġixxi l-użu sħiħ tal-funzjonijiet kollha tas-sit li jinkludu l-possibbiltà li tinħloq homepage b’informazzjoni utli u li jiġu kkalkolati l-miżati tal-parkeġġ. Id-disinn preċiż u sempliċi jirrifletti wkoll l-evoluzzjoni tal-identità tal-marka tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fi stqarrija intqal li aktar minn nofs it-traffiku tas-sit joriġina minn tagħmir elettroniku li jinġarr, is-sit il-ġdid www.maltairport.com jista’ jiġi aċċessat minn fuq il-mobiles u t-tablets. 75% tal-utenti jagħmlu użu mis-sit aktar minn darba u għalhekk l-abbiltà tas-sit li jippreżenta l-kontenut skont il-preferenzi tal-utent mistennija tintlaqa’ tajjeb bħala waħda mill-aktar karatteristiċi prattiċi u innovattivi.

Is-sit joffri wkoll l-uniku servizz tat-temp nazzjonali permezz tal-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Persuni, bħal baħħara u turisti, li jkunu jridu jippjanaw bil-quddiem, issa jistgħu jagħmlu dan aħjar wara li jaraw it-temp għal Malta għas-sebat ijiem li jkunu ġejjin.

“Bħala parti mill-isforzi kontinwi tagħna biex intejbu l-esperjenza tal-passiġġieri tagħna u b’hekk inkunu l-aqwa ajruport fl-Ewropa, kien kruċjali li niżviluppaw sit aktar modern. Aħna ninsabu fiduċjużi li dan is-sit ser jikkontribwixxi b’mod sinifikattiv lejn esperjenza diġitali mtejba b’kontenut li huwa aktar dinamiku minn qabel,” qali is-CEO tal-MIA, Alan Borg. Huwa żied jgħid li l-kumpanija ser tkun qed tilqa’ s-suġġerimenti min-naħa tal-pubbliku li jistgħu jgħinu biex jittejjeb is-sit.

Fuq is-sit il-ġdid, Malta ser tkun qed tiġi promossa b’mod attiv permezz ta’ blog ġdid u paġna li tagħtik idea ta’ x’għandhom x’joffru l-gżejjer Maltin. Dawn iż-żewġ sezzjonijiet ser ikunu qed jiġu aġġornati kontinwament sabiex jippreżentaw kontenut relevanti.

Biex jiċċelebra t-tnedija ta’ dan is-sit, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser jagħti ċ-ċans lil min jabbona għan-newsletter tal-ajruport, minn fuq is-sit tul April u Mejju, li jirbaħ vjaġġ inklussiv lejn Berlin. Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq is-sit www.maltairport.com.