It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena sofra telfa oħra fi spazju ta’ ftit jiem, din id-darba bi skor ta’ 7-0 kontra r-Repubblika Ċeka. Din kienet logħba mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2017. Din il-partita ntlagħbet taħt dell ikrah wara li jiem qabel ħarġet l-aħbar li l-Pulizija kienet qed tinvestiga rapporti li l-logħba bejn Malta u Montenegro, ukoll mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2017, setgħet kienet fil-mira ta’ persuni li kellhom l-intenzjoni li jimmanipulaw l-iskor tal-partita. Il-Pulizija diġa’ tkellmet ma’ xi plejers Maltin li kienu parti mill-iskwadra Maltija li tilfet bi skor ta’ 1-0.
Il-kowċ Silvio Vella għamel żewġ bidliet fl-ewwel 11 minn kontra l-Montenegro, b’Johann Bezzina jibda minflok Matthew Guillaumier u Daniel Zerafa jibda minflok Sam Magri.
Fid-19 -il minuta ċ-Ċeki ingħataw penalty meta Kyle Cesare waqqa’ lil Tomas Soucek fil-kaxxa. Mill-11-il metru Patrick SCHICK li ma żbaljax, bl-istess attakkant ikollu ċ-ċans li jirdoppja l-iscore sekondi biss wara wara azzjoni maħduma tajjeb miċ-Ċeki iżda ra t-tentattiv tiegħu jintemm barra.
Fil-25 minuta Ales CERMAK approfitta minn indeċiżjoni ta’ Daniel Zerafa u permezz ta’ xutt tajjeb tefa’ ġewwa. Ir-reazzjoni tal-Maltin ma waslet qatt u fis-36 minuta l-avversarji għamluhom tlieta permezz ta’ xutt sabiħ ta’ Vaclav CERNY.
Iċ-Ċeki komplew ikabbru l-iskor tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Antonin BARAK kellu xutt tiegħu mix-xellug jiġi devjat minn difensur Malti qabel intemm ġewwa.
Fit-tieni taqsima ċ-Ċeki komplew minn fejn ħallew fl-ewwel taqsima u fis-57 minuta għamluhom ħamsa permezz ta’ xutt sabiħ u qawwi minn barra l-kaxxa ta’ Milan HAVEL li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Malti jsalva.
Iċ-Ċeki għamluhom nofs tużżana fil-75 minuta meta Ales Mateju għadda lejn Ales CERMAK li minn qagħda tajba fil-kaxxa spara ġewwa. Iċ-Ċeki ssiġġillaw ir-rebħa żewġ minuti mit-tmiem b’gowl ta’ Patrik SCHICK.
//= $special ?>